Banif Bank isir BNF Bank

Banif Bank Malta illum nieda l-identità ġdida tiegħu bħala BNF bank bl-għan li jirrifletti aħjar il-viżjoni għall-futur tal-Bank dwar tkabbir kemm f’Malta kif ukoll barra.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv u Direttur Maniġerjali tal-Bank Michael Collis qal li l-isem BNF Bank evolva direttament mill-fatt li l-Bank huwa kburi bl-istorja tiegħu. 
Collis kompla jgħid li “Għalkemm l-isem u l-logo nbidlu, il-klijenti jibqgħu l-ewwel prijorità tagħna.” Saħaq li l-bank se jibda vjaġġ ġdid li għandu jirriżulta f’ aktar benefiċċji għall-klijenti tal-bank.
Fi stqarrija, il-Bank spjega li kien akkwistat minn Al Faisal Holding is-sena l-oħra. Il-Bank ilu jopera f’Malta mill-2008 u jipprovdi firxa sħiħa ta’ servizzi bankarji kummerċjali lill-klijenti privati u fin-negozju permezz ta’ network ta’ tnax-il fergħa u tliet ċentri għal servizzi bankarji korporattivi u tan-negozju.
Collis qal li BNF Bank għandu pjanijiet ambizzjużi għall-espansjoni tas-servizzi tiegħu biex jinkorporaw l-immaniġġjar tal-assi u l-investimenti u li bħalissa jinsab fil-proċess ta’ tħejjija tal-infrastruttura meħtieġa għal dan it-tkabbir.
Michael Collis stqarr li l-għan tal-bank hu li jiġi aċċellerat it-tkabbir b’attenzjoni ffukata fuq l-għarfien tal-ħtiġijiet ta’ kull klijent individwali, biex b’hekk jiġi sfruttat il-potenzjal tas-servizzi bankarji personali.
Il-bank spjega li l-identità l-ġdida tiegħu mhux se taffetwa l-operat bankarju ta’ kuljum. Il-klijenti tal-bank m’għandhom bżonn jagħmlu l-ebda tibdil minn naħa tagħhom. Il-cards tad-debit u tal-credit u l-kotba taċ-ċekkijiet m’għandhomx għalfejn jinbidlu.