Banek oħra jaf jaqtgħu r-relazzjoni ma’ Malta – rapport

Din l-aħbar ġiet ftit wara li tħabbar li Deutsche Bank se jwaqqaf is-servizz tad-dollaru f’Malta

Read in English.

Wara li ġie żvelat li l-Bank of Valletta tilef lid-Deutsche Bank bħala wieħed mill-correspondent banks tiegħu, issa ġie rrapportat li banek oħra jaf jieħdu miżuri simili.

Ilbieraħ il-gazzetta The Times of Malta rrappurtat li d-Deutsche Bank se jieqaf joffri servizzi bankarji bħala correspondent bank fil-muniti kollha mal-BOV sal-aħħar ta’ Diċembru.

Illum, il-gazzetta Ġermaniża Süddeutsche Zeitung qalet li jekk in-negozju ma’ Malta għad-Deutsche Bank kien delikat wisq, banek oħrajn jafu jitilqu wkoll.

Din il-gazzetta awtorevoli kienet l-ewwel gazzetta li ppubblikat id-dokumenti b’rabta mal-iskandlu tal-Panama Papers. Dan kien l-iskandlu li ssemmew fih il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministur Keith Schembri. It-tnejn li huma dejjem saħqu li huma innoċenti.

Il-gazzetta Ġermaniża qalet li dak li ġara lill-BOV huwa sinjal fatali għal Malta.

Żewġ ekonomisti Maltin qalu lil Newsbook.com.mt li l-aħbar li Deutsche Bank se jwaqqaf is-servizz tad-dollaru f’Malta hija marbuta ma’ riskju li l-bank mhux se jieħu aktar.

DB ifarfar mir-riskju f’Malta – ekonomisti

Xi jfisser correspondent bank?

Correspondent bank huwa bank li joffri servizzi ta’ transazzjonijiet fid-dollaru ma’ banek lokali.

Meta importatur Malti jixtri prodotti mill-Amerika jkun irid iħallas bid-dollaru. Billi Malta nużaw l-Ewro, l-importatur juża bank lokali biex jaqleb il-flus mill-Ewro għad-Dollaru Amerikan. Biex issir din it-transazzjoni, banek lokali jkollhom bżonn correspondent bank biex jagħmlu transazzjonijiet fid-dollaru.

Jekk banek bħal Deutsche Bank jieqfu joffru dan is-servizz f’Malta, transazzjonijiet bħal dawn ma jistgħux isiru.