Bandist tal-AFM ma jitħalliex imur jistudja barra

Il-qorti ikkonfermat inġunzjoni ppreżentata minn bandist tal-Forzi Armati ta’ Malta wara li kien magħżul biex jikseb post prestiġjuż fi ħdan l-armata, iżda sar jaf li mhux se jingħata l-post fl-aħħar minuta.

Fil-każ li fetaħ il-qorti kontra l-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-bandist iddiskriva kif hu applika ma persuni oħra biex jilħaq Assistent Trumbettier Maġġur mal-Armata wara li ħarġet sejħa għal din il-pożizzjoni f’Marzu li għadda.

Is-sejħa kienet miftuħa għal persuni li diġà idoqqu mal-banda tal-Armata u il-persuna magħżula kellha tintbagħat barra minn Malta biex tattendi għal kors speċjalizzat. Kull min applika kellu jieħu test fis-saħħa medika, eżami teoretiku fil-mużika u test fil-kontroll tal-banda.

Il-bandist ġie l-ewwel fil-proċess ta’ selezzjoni u kien inizjalment aċċettat biex jieħu l-irwol. Ġimgħa qabel ma kellu jitlaq minn Malta, ġie infurmat li ma kienx se jingħata l-post li kiseb wara li rċieva telefonata mis-superjuri tiegħu li ordnawlu ma jitlaqx mill-pajjiż.

Il-bandist tal-armata saqsa biex il-proċess ta’ selezzjoni jkun sospiż u biex il-Kmandant tal-Forzi Armati jerġa’ jikkunsidra l-għażla tiegħu għall-kariga ta’ Assistent Trumbettier Maġġur. Huwa qal li se jkun qed iżomm lill-Kmandant responsabbli għal kwalunkwe danni li jista’ jkun li jsofri. F’digriet maħruġ il-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, laqgħet it-talba għal inġunzjoni fuq bażi proviżorja u ffissat data biex jinstema’ l-każ.