Bandiera blu għar-Ramla l-Ħamra

MGOZ

Il-bajja tar-Ramla l-Ħamra f’Għawdex ingħatat il-banidera l-blu għall-kwalità għolja fil-bajjiet.

Fi stqarrija konġunta l-Ministeru għat-Turiżmu u għal Għawdex qalu li l-preżentazzjoni saret mill-President u Kap Eżekuttiv ta’ Nature Trust – FEE Malta. Il-Ministri Julia Farrugia Portelli u Clint Camilleri kienu preżenti u flimkien tellgħu l-bandiera.

Il-Ministru għat-Turiżmu Farrugia Portelli qalet li l-bajjiet f’Malta huma integrali għall-prodott turistiku u jvarjaw minn xulxin. Ħeġġet lill-pubbliku sabiex igawdi s-sajf b’mod responsabbli filwaqt li jirrispetta d-distanza soċjali u l-iġjene.

Il-Ministru għal Għawdex Camilleri qal li, “aħna kburin li fl-aħħar snin f’Għawdex ġibna tlett ibnadar blu – fir-Ramla, Ħondoq ir-Rummien u Marsalforn. Il-bandiera l-blu tippromwovi s-sostennibilità u tinċentiva l-awtoritajiet lokali, il-beach managers u l-operaturi fil-bajjiet biex jimmiraw għal standards għolja fl-erba’ kwalitajiet tal-kwalità tal-ilma, l-immaniġġjar ambjentali, l-edukazzjoni ambjentali u s-sigurtà.” Spjega li għal dan is-sajf se jkunu ngaġġati madwar 80 beach supervisor.

Iċ-Chairperson tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) Dr Gavin Gulia qal li fl-2020 qed jallokaw aktar minn €500,000 għal-lifeguards, beach supervisors, u spejjeż oħra.

Il-Gvern qal li minbarra r-Ramla l-Ħamra, l-bandiera l-blu ngħatat lil 10 bajjiet oħra din is-sena, wara li laħqu 29 kriterju li jinkludu standards għall-kwalità tal-ilma, is-sigurtà, informazzjoni u edukazzjoni dwar l-ambjent, il-provvista ta’ servizzi u kriterji ġenerali dwar l-immaniġġjar tal-ambjent.

Il-bajjiet l-oħra huma l-Bajja ta’ Buġibba, Fond Għadir f’Tas-Sliema, il-Bajja ta’ Golden Sands, il-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa, l-Għadira, il-Bajja ta’ Fra Ben fil-Qawra u Westin Dragonara Beach Club f’San Ġiljan f’Malta, u l-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien u ta’ Marsalforn f’Għawdex.