Banda Maltija tieħu sehem fil-Karnival ta’ Malta u Sqallija fl-istess ħin

Wara s-suċċess kbir li għamlu l-mużiċisti tal-Big Friends Guggen Musik f’dawn l-aħħar snin, issa ġew mistiedna biex jiftħu l-karnival popolari ta’ Acireale fi Sqallija nhar is-Sibt li ġej 3 ta’ Frar.
Iżda għalkemm il-banda se tkun impenjata f’Acireale xorta fl-istess jum se tieħu sehem għall-ewwel darba fil-karnival tal-Kottonera, impenn storiku għaliex għall-ewwel darba l-banda se tkun qed tipparteċipa f’żewġ avvenimenti, f’Malta u Sqallija.
Din mhix l-ewwel darba li l-banda daqqet f’Acireale, hekk kif is-sena l-oħra kienet mistiedna tieħu sehem fil-karnival tal-fjuri li jkun organizzat f’Mejju. 
Nhar il-Ġimgħa tal-karnival, il-banda se tieħu sehem fil-karnival tal-Marsa fis-7.00 pm; is-Sibt fl-10.30 ta’ filgħodu se ddoqq fil-karnival nazzjonali ġewwa l-Belt Valletta u fis-1.30pm se iddoqq ġewwa l-lukanda San Antonio f’Buġibba, u wara fis-6.00pm ddoqq fir-Rabat, Għawdex. Imbagħad il-Ħadd fil-10.00am il-banda se ddoqq fi Triq Irjali, il-Ħamrun u fil-5.00pm ir-Rabat, Għawdex. Il-Big Friends Gugen Musik tagħlaq l-impenji tagħha fil-karnival ta’ din is-sena nhar it-Tnejn b’żewġ parteċipazzjonijiet: fl-10.30am fil-Belt Valletta u fis-6.30pm fil-Għargħur.
Il-Big Friends Guggen Band tuża strumenti li fil-maġġoranza tagħhom innovattivi u uniċi f’pajjiżna. Din il-banda għandha l-iskola tal-mużika tagħha u tagħti lezzjonijiet bla ħlas lil studenti ta’ kull età li jiġu minn diversi lokalitajiet.