Ban Ki-moon bi żjara sorpriża fil-Libja

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Ban Ki-moon appella għall-paċi fil-Libja hekk kif ilbieraħ għamel żjara b’sorpriża fi Tripli bħala parti mill-proċess ta’ rikonċiljazzjoni.
Meta Ban Ki-moon żar il-Libja għall-ewwel darba tliet snin ilu, hu qal lill-membri parlamentari li ma kienx hemm alternattiva għad-djalogu.
In-Nazzjonijiet Magħquda bdiet bit-taħdidiet ix-xahar li għadda wara xhur ta’ vjolenza fil-pajjiż.
L-instabbilità fil-pajjiż sinjur biż-żejt waslet biex il-parlament il-ġdid li kien elett f’Lulju kellu jiltaqa’ barra l-kapitali Tripli hekk kif dawk rivali komplew bil-vjolenza biex jieħdu l-kontroll tal-belt.
Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda kien akkumpanjat mill-Ministru tal-Intern Taljan li flimkien waslu Tripli mit-Tuneżija.
Ban Ki-moon qal lill-membri parlamentari li l-Libja għandha bżonn parlament u Gvern b’saħħtu u għalhekk il-ġlied irid jieqaf.
Il-Ministru tal-Intern Taljan qalet li l-Italja qed tikkometti ruħha li tappoġġja lil-Libja hekk kif skont hi, hemm bżonn li l-Libja tkun salvata minn destin li ma jixraqx.