Bambini artistiċi u opri t’arti sagra tal-Milied

Fl-okkażjoni tal-festi tal-Milied Imqaddes, is-Soċjetà tal-Banda ta’ Santa Liena flimkien mal-Kummissjoni TEAK (Talent Elenjan Arti u Kultura) fi ħdanha sejra għal sen’oħra torganizza “Wirja tal-Presepji u Bambini” fil-kantina tal-każin bejn il-Ħamis 12 ta’ Diċembru 2019 u l-Ħadd 5 ta’ Jannar 2020.

Il-wirja ta’ din is-sena ġiet estiża aktar minħabba l-parteċipazzjoni aktar numeruża tal-esebituri. F’din il-wirja sejrin inkunu nistgħu nammiraw diversi presepji ta’ kwalita’ għolja ħafna u ta’ diversi qisien minn dawk kbar ħafna għall-oħrajn ta’ daqs medju u żgħar, magħmula minn diversi materjali.

Barra minn hekk, f’din il-wirja sejrin inkunu nistgħu naraw diversi Bambini artistiċi u kif ukoll opri t’arti sagra relatati maż-żminijiet qaddisa tal-Milied.

Il-ftuħ uffiċjali ta’ din il-wirja ser isir il-Ħamis 12 ta’ Diċembru fis-7.30pm fis-sede tal-istess Soċjetà fi Triq il-Wied Birkirkara.

Matul il-ġimgħa l-wirja tiftaħ mis-5pm sad-8pm;

Sibtijiet u Ħdud bejn id-10am u s-12.00pm u bejn il-5pm sat-8pm.

F’jum il-Miled u fil-ġurnata tal-ewwel tas-sena l-wirja tkun magħluqa.