Balzan ma kitibx il-verità dwar RCC – il-Qorti

Il-Qorti tal-Appell illum ikkonfermat li l-Editur Maniġerjali tal-MaltaToday Saviour Balzan ma kitibx il-verità dwar l-Eks Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea Richard Cachia Caruana u għalhekk sabet lil Balzan ħati ta’ libell.
Il-Qorti tal-Appell iddikjarat li dak li Balzan kiteb dwar Cachia Caruana “ma kellu l-ebda bażi oġġettiva jew bażi fattwali”. Balzan ġie ordnat iħallas €3,000 f’danni lil RCC u magħhom iħallas l-ispejjeż tal-Qorti.
Il-każ kien dwar artiklu ppubblikat fil-MaltaToday fl-2009, fejn Balzan kiteb li Cachia Caruana kellu għas-servizz tiegħu ‘reġiment’ ta’ bloggers u opinjonisti, biex ixerrdu mibegħda fil-konfront ta’ min jikkritika lil Lawrence Gonzi, dak iż-żmien Prim Ministru.
Il-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Imħallef Anthony Ellul qalet li dan ma kienx każ fejn fl-artiklu Saviour Balzan ta eżempji u mbagħad ikkummenta, iżda qabad u għamel dak li l-Qorti sejħitlu “sweeping statement of fact”.
Għall-Qorti tal-Appell ix-xhieda ta’ Jeffrey Pullicino Orlando, xhud ta’ Balzan, kienet miċħuda mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hija għamlitha ċara li ‘jiena nikteb dak li nħoss li għandi nikteb jien u ħadd ma jiġi jgħidli x’għandi nikteb”.
Dwar dak li qal Jesmond Mugliett, Eks Ministru Nazzjonalista u xhud ieħor ta’ Balzan, il-Qorti tal-Appell qalet li m’hemmx l-iċken ħjiel li jikkonferma li dak li kiteb Saviour Balzan hu l-verità.
Dwar ix-xhieda ta’ John Dalli, Eks Ministru Nazzjonalista ieħor, il-Qorti qalet li “hu evidenti li l-konklużjoni tiegħu hi bbażata fuq suspetti u xejn iktar.”
Il-Qorti qalet ukoll illi Balzan imkien ma jipprova illi Cachia Caruana “…jqabbad lil terzi persuni leali lejh biex jattakkaw u jkissru lil min ma jaqbilx miegħu". Żiedet tgħid illi minn imkien ma ġie ppruvat illi Cachia Caruana kien jikkontrolla x’kellu jinkiteb mill-ġurnalisti.
B’sentenza tal-10 ta’ Novembru, 2016 il-Qorti tal-Maġistrati kienet ukoll sabet li Balzan ma kienx qal il-verità dwar Cachia Caruana u kkundannatu jħallas is-somma ta’ €3,000 flimkien mal-ispejjeż tal-Qorti. Dik is-sentenza issa ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell.