Balotelli se jibqa’ ma’ Nice

It-tim ta’ Ligue 1 ikkonferma li Mario Balotelli huwa mistenni li jibqa’ mal-klabb Franċiż anke jekk ta’ spiss issemma li jista’ jmur ma’ Marseille jew Napoli. L-attakkant ta’ 28 sena qatta’ sentejn ma’ Nice u rnexxielu jiskurja 43 gowl f’66 logħba minn meta ngħaqad magħhom minn ma’ Liverpool fejn għadda minn perjodu diffiċli.

Dikjarazzjoni ppubblikata fuq is-sit uffiċjali ta’ Nice qalet li “Mario Balotelli se jqatta’ dan l-istaġun ma’ Nice. Il-klabb u n-numru 9 qablu li ser ikomplu l-avventura tagħhom fl-2018-19.”

L-attakkant Taljan ser jerġa’ lura fl-iskwadra mill-ġimgħa d-dieħla u jista’ jkun li jilgħab kontra Olympique Lyonnais nhar il-Ġimgħa 31 t’Awissu.