Balotelli lest bis-senter għal dawk li jobogħduh

L-attakkant Taljan Mario Balotelli daħal aktar fiċ-ċentru tal-kontroversja, wara li fuq Instagram, tella’ ritratt tiegħu jipponta senter lejn il-kamera, bil-messaġġ “bewsa kbira għal dawk kollha li jobogħduni.”

Il-plejer tal-Milan, li għandu 23 sena,  neħħa l-istess ritratt minn fuq Instagram ftit tal-ħin wara. Madanakollu dan xorta se jirrifletti ħażin fuqu mat-Taljani hekk kif kien fil-mira ta’ abbuż razzjali, u kien taħt kritika kbira għal prestazzjoni tiegħu fil-kampanja tat-Tazza tad-Dinja fil-Brażil.

Balotelli skorja l-gowl tar-rebaħ fuq l-Ingilterra, biex l-Italja għelbet lit-tim Ingliż, tnejn b’wieħed. Madanakollu fil-bqija tal-logħob ma tantx impressjona.

Il-prestazzjoni ħażina tiegħu fil-logħba kontra l-Urugwaj, li wasslet biex inqala’ t-tim Taljan mil-logħob tat-Tazza tad-Dinja, wasslet biex il-partitarji komplew jintlew b’rabja kbira għalih.

Wara li rriżenja, il-kowċ Taljan Cesare Prandelli kkritika wkoll lil Balotelli, fejn qal li ma kienx champion. Żied jgħid li jekk irid isir champion irid jgħix fid-dinja reali u mhux fir-realtà virtwali tiegħu.