“Balfour tahom l-art, Trump tahom il-kapitali” – Elsadi

L-Imam ta’ Malta, Mohammad Elsadi, isostni li r-rikonoxximent ta’ Trump dwar Ġerusalemm ikompli mad-dikjarazzjoni ta’ Balfour 100 sena ilu.
Id-Dikjarazzjoni ta’ Balfour, kif baqgħet magħrufa, seħħet fl-1917, meta s-Segretarju għall-Affarijie Barranin tal-Gvern Brittaniku, Arthur Balfour, bagħat ittra jgħid li se jissapportja lil-Lhud biex ikollhom l-hekk imsejħa dakinhar “dar nazzjonali” fejn kien hemm il-Palestina.
Elsadi qal fi stqarrija li Balfour ta l-art Palestinjana lil-Lhud Żijonisti, u Trump 100 sena wara tahom il-belt kapitali.
Kompla jgħid li din kienet deċiżjoni żbaljata u tissarraf f’att ta’ terroriżmu mill-Istati Uniti, u sa ddeskriviha bħala “rigal prezzjuż lill-ISIS”.
“Ma nistax nifhem kif Trump irid jistieden pajjiżi oħra biex jingħaqdu miegħu kontra t-terroriżmu, meta hu stess jissapportja t-terroriżmu taż-Żijonisti.
Filwaqt li rrimarka li t-tamiet għall-paċi ntemmu għalkollox b’dan l-aġir, l-Imam sostna li se tiżdied l-instabbiltà fir-reġjun u se tħammar wiċċ l-alleati tal-Istati Uniti f’dar-reġjun.
Enfasizza li hi ħasra li pajjiż b’tant saħħa, li kapaċi jużaha biex iġib il-paċi u l-ġustizzja, qed jużaha biex joħloq aktar inġustizzji u gwerer ġodda.
Temm jgħid li madankollu l-Musulmani mhux se jiddispraw għx jemmnu li l-ġustizzja t’Allah fl-aħħar isseħħ bis-saħħa tar-reżistenza tal-Palestinjani, tal-Għarab u ta’ dawk kollha ta’ rieda tajba li qed jikkumbattu l-okkupazzjono Żijonista.
Ilbieraħ kemm il-Gvern kif ukoll il-Partit Nazzjonalista qalu fi stqarrija li ma jaqblu xejn ma' Trump, u li jaħsbu li l-aħjar soluzzjoni tibqa' dik ta' żewġ stati differenti, li mbagħad il-Punent ta' Ġerusalemm tmur għall-istat ta' Iżrael, li diġà jeżisti, u l-Lvant tal-belt tmur għall-istat futur tal-Palestina.