Bajja San Blas: Titnaddaf biex titgawda

Il-Ministeru għal Għawdex qal li x-xogħlijiet li għamel fil-bajja ta’ San Blas saru biex il-bajja titnaddaf mill-ammont kbir ta’ alga li daħlet fuq ir-ramel wara l-maltemp ta’ dan l-aħħar.

Fi stqarrija, il-Ministeru qal li dan it-tindif sar biex il-bajja tkun tista’ titgawda mill-ħafna turisti Maltin u barranin li jżuru lil Għawdex f’dawn il-jiem tas-sajf. Żied jgħid li l-Ministeru issa qed jikkordina mal-MEPA t-tkomplija ta’ dawn ix-xogħlijiet.

Rigward ix-xogħol li sar fil-bajja tar-Ramla, il-Ministeru għal Għawdex sostna li x-xogħol kollu twettaq bil-permess tal-MEPA u fuq il-linja ta’ dak li kien isir fis-snin ta’ qabel.

Saħaq li l-fondazzjoni GAIA appoġġjat il-ħidma li saret f’din il-bajja.