Bailout għall-Ażerbajġan?

Il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji qed juru tħassib kbir dwar il-futur tal-Ażerbajġan, pajjiż li l-ekonomija tiegħu tiddependi bis-saħħa fuq il-bejgħ taż-żejt u l-gass.
Fl-aħħar jiem, hu mistenni li uffiċjali għolja miż-żewġ istituzzjonijiet iżuru Baku, il-kapitali, biex jiddiskutu l-possibbiltà ta’ pakkett ta’ self ta’ emerġenza ta’ madwar $4 biljun (€3.7 biljun).
Dan qed jitqies bħala l-ewwel bailout ikkaġunat mill-kollass tal-prezz taż-żejt, li f’dan il-pajjiż wassal ukoll għal żvalutar qawwi tal-munita.
Dan it-tħassib qed jaffettwa numru ta’ pajjiżi emerġenti li jipproduċu ż-żejt, mill-Ażja sal-Amerika Latina.
L-Ażerbajġan jiddependi fuq iż-żejt u l-gass għal 95% tal-esportazzjoni tiegħu u l-iżvalutar tas-saħħa tal-munita wassal għal instabbilità soċjali u protesti madwar il-pajjiż kontra l-Gvern immexxi mill-President Ilham Aliyev.
Fl-aħħar ġranet, l-eks-Repubblika Sovjetika saret waħda mill-ewwel pajjiżi fid-dinja li reġgħet imponiet kontrolli fuq il-kapital, bl-impożizzjoni ta’ taxxa ta’ 20% fuq l-esportazzjoni ta’ muniti barranin.
Il-munita lokali, il-manat, tilfet 35% mill-aħħar tas-sena li għaddiet, wara li l-Bank Ċentrali ddeċieda li jabbanduna r-rabta mad-dollaru, wara li nefaq aktar min-nofs ir-riservi fi żmien sena.
Intant, din il-ġimgħa l-Bank Dinji ppreveda li l-prezz taż-żejt se jibqa’ f’medja taħt l-$40 l-barmil tal-anqas sal-aħħar tas-sena.
PayPal tkompli tikber għal rasha
Fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet, il-bejgħ ta’ PayPal Holdings kien ferm aħjar mill-istimi grazzi għal żviluppi ġodda li ppermettew xiri aktar faċli permezz tal-mowbajls.
Dan qed jgħin biex iserraħ moħħ investituri dwar il-prospetti ta’ żvilupp fil-kumpanija bħala kumpanija indipendenti.
Il-kumpanija Paypal isseparat minn Ebay is-sena li għaddiet – f’mossa mhux nieqsa minn riskji għall-kumpanija.
Iżda l-istrateġija ta’ Paypal jidher li qed tħalli l-frott hekk kif qed tattira lejha bejjiegħa u xerrejja ġodda permezz ta’ buttuna ‘Buy’ li tiffaċilita t-tranżazzjonijiet fuq l-ismartphones. L-infiq fuq dan it-tip ta’ tagħmir hu mistenni li joqrob $96 miljun (€88 miljun) din is-sena, żieda qawwija ta’ kważi 30% fuq is-sena li għaddiet.
Il-kumpanija qed tistenna li t-tkabbir jimmodera din is-sena, u qed tipprevedi li d-dħul fl-2016 jiżdied bejn 16 u 19% fuq l-2015.
Għall-kuntrarju, livelli diżappuntanti ta’ bejgħ fi żmien il-Milied, waslu għal tnaqqis ta’ 11% fl-ishma ta’ Ebay. Il-bejgħ mis-sit elettroniku popolari ntlaqat b’mod negattiv mis-saħħa tad-dollaru.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment