​Aġġornata: Baħar jaqsam bejn il-liġi u r-realtà – Simon Busuttil

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li “hemm differenza bejn il-liġi u dak li qed ngħixu fil-prattika”.
Dan sostnih fil-Parlament meta lbieraħ bdiet tiġi diskussa l-liġi dwar il-midja u l-malafama kif ippreżentata mill-Ministru Owen Bonnici.
Simon Busuttil beda d-diskors tiegħu billi fakkar li din il-liġi ġiet emendata mill-verżjoni oriġinali li ġiet ippreżentata fi Frar li għadda wara pressjoni mill-Partit Nazzjonalistsa.
Fakkar kif fl-istess żmien, il-Ministru Chris Cardona talab mandat ta’ sekwestru fuq il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għal dak li deher fil-blogg tagħha.
Simon Busuttil qal ukoll li l-bidliet fil-liġi huma tajbin u li l-Oppożizzjoni taqbel magħhom. Semma fost l-oħrajn li huwa tajjeb li jitneħħa l-obbligu li wieħed jirreġistra mal-Gvern biex jippubblika materjal ta’ ġrajjiet kurrenti.
Fl-istess waqt staqsa “x’jiswa li jkollok liġi li tħares il-libertà tal-espressjoni meta din inqatlet?”  Spjega li l-liġijiet huma sbieħ imma fil-prattika “hemm barra m’aħniex ngħixu l-libertajiet garantiti permezz ta’ din il-liġi”.
Tkellem dwar l-aħbar tal-Ministru Owen Bonnici li l-OSCE qablet mal-liġi kif ġiet proposta fejn fakkar li fl-aħħar ġimgħat tkellem il-kummissarju tal-OSCE responsabbli mill-libertà tal-midja, fejn wera t-tħassib tiegħu għas-sitwazzjoni f’Malta.
Temm billi staqsa jekk il-pubbliku hux komdu juża din il-libertà biex jitkellem, fosthom billi juża l-kelma kontra l-Gvern.
Fid-diskors semma numru ta’ każijiet ta’ intimidazzjoni fosthom l-assissinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-insulti u l-attakki fuq l-Ewroparlamentari Roberta Metsola, it-tgħajjir fil-konfront ta’ esponent tan-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili f’Malta Michael Briguglio u anke fil-konfront tiegħu meta persuni jieqfu jgħajruh fit-triq.
Ikkwota lill-whistleblower Russa li kienet taħdem fil-Bak Pilatus, li f’intervista mat-Times ta’ Londra qalet li jekk tiġi lura Malta tisfa maqtula.
“Agħti protezzjoni lin-nies intimidati” – Busuttil lill-Gvern
Simon Busuttil appella lill-Gvern biex jagħti kull protezzjoni lil nies bħal dawn u jara li ma jaslux f’sitwazzjoni ta’ iżolament.
Busuttil sostna li l-Gvern qed jabbuża mis-segretezza fil-każ tar-rapport tal-FIAU dwar il-każ tat-tanker tal-LNG u l-kumpanija 17 Black. Appella lill-Gvern biex joħroġ dawn ir-rapporti għax hu fl-interess tal-pubbliku li jsir magħruf dwar x’ġara mill-investigazzjonijiet.
Stieden lill-Gvern biex jaċċetta din il-liġi flimkien ma’ emendi fi stadju ta’ kumitat biex dawk li jikkritikaw lill-Gvern ikunu jistgħu jagħmlu hekk u jkunu protetti.
Fid-diskors tiegħu, id-deputat Laburista Glenn Bedingfield qal li huwa ta’ dispjaċir għalih bħala ġurnalista li l-fiduċja fil-midja “qiegħda dejjem tonqos”. Semma li minn stħarriġ li jsir minn żmien għal żmien qed jidher li n-nies qed ikollhom aktar fiduċja fil-Gvern milli fil-midja. Attribwixxa dan għall-midja indipendenti meta qal li “t-tort huwa tal-midja nnifisha“.
Il-PL jistaqsi lil Delia jekk jaqbilx ma’ Busuttil
Sadanittant, fi stqarrija l-Partit Laburista rreaġixxa għad-diskors ta’ Dr Busuttil.  Il-PL qal li Busuttil għażel li jitkellem kontra l-ispirtu tal-liġi meta qal li hawn midja indipendenti li tinxtara bir-reklami tal-Gvern.
Żied jgħid li dan hu f’kuntrast ma’ dak li għamel il-PL, li qal li jirrispetta lill-midja anki meta ma taqbilx miegħu, għalhekk ressaq dil-liġi.
Temm ir-reazzjoni tiegħu billi staqsa l-Kap Nazzjonalista, Adrian Delia, jaqbilx mal-attitudni ta’ Busuttil.