Baġit2018: “L-investiment fl-infrastruttura fl-interess ta’ Malta” – Edward Scicluna

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li huwa fl-interess ta’ Malta li jsir investiment fil-qasam tal-infrastruttura.
Waqt laqgħa mal-Kunsill Malti għall-Ekonomija u l-Iżvilupp Soċjali (MCESD) fejn ġew ippreżentati proposti għall-Baġit 2018, Profs. Scicluna stqarr li meta pajjiż ikollu tkabbir ekonomiku qawwi u l-qasam tal-infrastruttura ma jibdiex ilaħħaq miegħu, wieħed irid jieħu nota tiegħu għax ixekkel lill-ekonomija.
Saħaq li meta l-fatturi tal-produzzjoni mhux jikbru pass pass mat-tkabbir ekonomiku jibda jkun hemm l-ostakli.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Scicluna tkellem dwar id-dejn u qal li niżel taħt is-60% u li dan qiegħed jagħti nifs lill-gvernijiet tal-futur.
Huwa wera t-tħassib tiegħu fuq id-dejn u qal li minħabba d-djun passati, il-Gvern qed jonfoq mal-€230 miljun mit-taxxi biex jaqta’ d-dejn. Spjega li bit-tkabbir ekonomiku u bil-ħidma tal-Gvern huwa previst li d-dejn jaqa’ għal 50%.
Min-naħa tagħha l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Helena Dalli qalet li l-Kunsill tal-MCESD se jaħtar diversi esperti għat-temi diversi li jkunu qed jiġu diskussa.
Hija qalet li fil-baġit li jmiss, il-Gvern se jkun qed iħares lejn il-wegħdiet elettorali ta’ ħinijiet aktar family friendly u li jagħti lura l-vaganzi pubbliċi li jiġu fil-wikend.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Aaron Farrugia saħaq li l-baġit li jmiss se jkun qed iwaħħad flimkien id-dimensjoni soċjali mat-tkabbir ekonomiku.
Tenna li l-Kunsill tal-MCESD huwa għodda sabiex flimkien miegħu, il-Gvern ikun jista’ jikkonsidra l-interessi tan-nies.
Ritratt: DOI: Clodagh Farrugia O'Neill