Filmat: Esperti jiddiskutu kif se jolqtok il-baġit

20:43: Joe Gerada: Iddeskriva l-inċentivi biex il-persuni bi dħul baxx ma jmorrux għall-benefiċċji soċjali. Dwar il-housing, faħħar l-inċentivi biex dan is-suq ikun iktar miftuħ. Jidher li l-Gvern daħal bis-saħħa fuq l-issue tal-housing. Qal li laqtitu ħafna li se tiżdied ġurnata leave biex titjieb il-kwalità tal-ħajja. 
20:38: David Ferry: Sejjaħ ‘interessanti’ l-inċentivi industrijali li tħabbru fil-baġit.
20:30: Dr Gordon Cordina (Ekonomista): Fid-dawl ta’ tkabbir ekonomiku sostanzjali, il-Gvern għandu jipprovdi għall-futur meta l-ekonomija ma tkomplix tikber u l-popolazzjoni tkompli tixjieh u jiżdied il-piż fuq settur tas-saħħa. Għandu jsir investiment fid-deficit tal-ambjent.
20:08: Gejtu Vella: Nitħasseb dwar żewġ diskorsi li għadhom ma ġewx relevati: id-diskors tal-Arċisqof fl-Indipendenza dwar it-tqassim tal-ġid u d-diskors tal-Prim Imħallef ftit jiem wara. Inutli li jkollna surplus u t-tqassim tal-ġid ma jasalx għand kulħadd. Irridu nipproteġu iż-żgħir u naraw li l-ħaqq ikun indaqs għal kulħadd. Qed tiżdied ir-rata ta’ nies li jaħdmu full-time u part-time biex ilaħħqu mal-bżonnijiet bażiċi tagħhom.
20:05: Mark Anthony Sammut: Jekk ikun hemm biżżejjed inċentivi, hemm ċans li dawn is-sistemi jitħaddmu. F’ċentri ta’ konġestjoni, ma għandux ikun hemm problema li persuna tħallas biex tidħol bil-karozza. Fl-istess waqt, trid toffri alternattiva.
20:00: Felix Agius: Il-proġetti tal-Kappara u tal-Marsa itaffu l-problema imma ma jsolvuhiex. Irridu naħsbu f’sistema li tuża taħt l-art, imma rridu naraw kemm din tkun vijabbli.
19:54: David Ferry: Housing u Infrastruttura – numru ta’ miżuri biex tiżdied il-proprjetà fis-suq u b’hekk ikun hemm inqas pressjoni fuq il-prezzijiet. Is-suq ta’ kera – l-ideja li toħroġ white paper min-naħa tal-Gvern biex dawk konċernati jagħtu r-reazzjoni tagħhom. Dwar it-traffiku: inċentivi biex persuna tixtri/tikri iktar ir-rota.
19:43: Felix Agius: Għall-ewwel darba kien hemm surplus ekonomiku u wieħed jistenna iktar inċentivi ‘l quddiem.
19:33: Mark Anthony Sammut: Jistenna miżuri għal kontroll tas-suq tal-kirjiet.Social Housing ma sar xejn fl-aħħar 4 snin, għalhekk il-lista ta’ stennija żdiedet b’darba u nofs għal 3,000. Tajjeb li qed jiġi inċentivat ir-riġenerazzjoni ta’ żoni fejn hemm ħafna postijiet vojta. Hemm bżonn jiżdied l-investiment, anki mill-privat, biex jonqsu l-waiting lists fid-djar tal-anzjani huma twal. Fl-istess waqt, jispjega li l-anzjani għandhom jiġu inċentivati biex jibqgħu jgħixu fil-komunità. Jitlob li tiġi evalwata l-possibiltà li kull mediċina għall-anzjani tingħata bla ħlas. €1.75 żieda fl-għoli tal-ħajja ma tirriflettix ir-rata tal-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel.
19:32: Felix Agius: Jitkellem dwar il-kirjiet li mhumiex daqshekk għoljin f’postijiet bħal Ħaż Żabbar. 
19:20: David Ferry (espert finanzjarju): Tnaqqis ta’ taxxa għal kull min jaqla’ inqas minn €60,000 – interessanti li se jgawdu minnu min s’issa ma jħallasx taxxa. Se jingħata ammont ta’ darba lil min jaħdem, bejn €40 u €60. Jinnota li l-pensjonanti se jintlaqtu b’mod pożittiv, fost l-oħrajn b’żieda ta’ €2 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet.
19:18: Felix Agius: Il-Gvern qed jindirizza problemi li qed isibu ma’ wiċċhom il-familji l-iktar fil-bżonn li jaddottaw jew qed joffru foster care.
19:17: Mark Anthony Sammut: Żdiedet ġurnata oħra ta’ leave u l-għajnuna għal ġenituri li se jaddottaw – Iddeskrivihom bħala miżuri pożittivi. 
19:02: Mark Anthony Sammut (PN): Jistenna pjan ta' x’investimenti se jsiru għall-ġenerazzjonijiet tal-futur. Jistenna pjan għall-għalliema, għat-traffiku, għall-pensjonanti, għall-infrastruttura. Qal li l-ekonomja qed tikber għax qed jiżdiedu l-ħaddiema. Jistenna pjan ta’ kif se jiżdiedu l-impjiegi ta’ kwalità b’pagi aktar għoljin. 
19:00: Felix Agius (PL): Qal li fil-Baġit jistenna tkomplija tal-politika tal-PL, li t-tqassim tal-ġid isir b’mod regolari u mhux fl-aħħar qabel l-elezzjoni. Ta eżempju taċ-child care b’xejn li ġie ntrodott malli l-PL ġie elett fil-Gvern. Jistenna miżuri li jkomplu jdawru r-rota ekonomika.

Aktar kmieni:
Illejla fis-6.30pm il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna se jressaq l-ewwel baġit tal-Gvern għal din il-Leġiżlatura.
Għal din l-okkażjoni Newsbook u RTK 103FM ħejjew programm speċjali mxandar fuq ir-radju u b’mod awdjoviżiv minn fuq is-sit Newsbook.com.mt jew minn fuq il-paġna tal-Facebook ta’ Newsbook.
Għadd ta’ esperti fosthom  l-ekonomista Gordon Cordina, l-espert finanzjarju David Ferry, il-konsulent tal-qasam trejdunjonistiku Gejtu Vella, l-opinjonista Joe Gerada se jagħtu l-opinjonijiet tagħhom permezz tat-telefown jew Skype.
Id-diskussjoni fl-istudios titmexxa mill-Editor-in-Chief ta’ Newsbook u RTK, Sylvana Debono.
Tul ix-xandira nisimgħu wkoll siltiet mid-diskors tal-baġit u warajh konferenza tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru u tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
L-għan tal-programm huwa li nwasslu lis-semmiegħa u lit-telespettaturi, il-baġit kif jolqot lin-nies kemm b’mod dirett (bħal tibdil fit-taxxa jew fil-paga), iżda wkoll b’mod indirett (bħall-infiq tal-gvern eċċ).
Barra minn hekk, se nkunu qed niftħu l-linji ta’ komunikazzjoni direttament fl-istudjows permezz tal-paġna ta’ Facebook, fejn l-udjenza hi mistiedna twassal mistoqsijiet jew kummenti lill-mistednin.
Fl-istess ħin, it-tim tal-midja diġitali tagħna se jkun qiegħed itella’ live fuq il-paġna tal-Facebook ta’ Newsbook u RTK 103FM, spjegazzjoni ta’ xi jkun qiegħed jintqal fil-Baġit permezz tal-viżwal.
Ix-xandira diretta se tibqa’ sejra sat-tmiem tal-konferenzi tal-Prim Ministru u tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Jekk għandek xi suġġerimenti oħra dwar il-programm speċjali tal-Baġit 2018, ibagħtilna imejl fuq info@newsbook.com.mt