Baġit sensittiv soċjalment; Żvilupp ekonomiku bl-isfidi – Caritas Malta

DOI - Jason Borg

Read in English.

Caritas Malta qalet li l-baġit għas-sena d-dieħlu huwa wieħed sensittiv soċjalment iżda l-iżvilupp ekonomiku qed iġib sfidi u pressjonijiet. Uħud mill-isfidi msemmija minn Caritas Malta huma pressjonijiet fuq il-popolazzjoni u l-integrazzjoni tal-ħaddiema barranin, l-ambjent, l-infrastruttura, is-saħħa mentali, il-familja u persuni bi dħul baxx jew dawk li jaqgħu lura.

Fi stqarrija, Caritas Malta qalet li anke r-rata ta’ fertilità baxxa żżid mad-diffikultajiet li taffaċċa Malta bħalissa.

Skont Caritas, il-baġit għas-sena 2020 ġab diversi miżuri pożittivi fosthom iż-żieda fil-pensjoni, iż-żieda fil-benefeċċji għal persuni b’diżabbiltà, it-tnaqqis tat-taxxa fuq is-sahra, l-iskemi ta’ housing biex jgħinu fil-ħlas ta’ 10% tal-loan (anke għal dawk taħt l-40 sena) u tnaqqis fit-taxxa tal-boll għal first time buyers.

Huma staqsew jekk iż-żieda għall-għoli tal-ħajja hix se tkun biżżejjed għal dawk bl-inqas dħul speċjalment meta wieħed iqis li prodotti essenzjali bħall-ikel huma fost l-affarijiet li jiżdiedu fil-prezz b’rata ogħla minn spejjeż oħra għall-familja. Caritas Malta għandha dubju wkoll jekk l-abbuż ta’ dawk li jħaddmu bil-prekarjat hux se jiġi kkontrollat biżżejjed.

Caritas Malta qalet li tittama li l-ebda droga, inkluż il-cannabis, ma tiġi meqjusa li għandha xi valur rikreattiv u li l-legalizzazzjoni tal-cannabis għall-użu personali tagħmel iktar ħsara milli ġid lis-soċjetà. Kien għalhekk li tinnota b’mod pożittiv il-vot dwar il-prevenzjoni tad-droga u interventi preventivi effikaċi bħal positive parenting. Kif anke rimarkat waqt l-ispeech tal-baġit, il-kura tas-saħħa mentali se tkun waħda mill-ikbar sfidi.

Hu ppjanat li fl-2020 toħroġ it-tielet edizzjoni ta’ l-istudju A Minimum Essential Budget for a Decent Living li jistabbilixxi d-dħul minimu li wieħed għandu jkollu biex jgħix ħajja diċenti.