Baġit li ma jaħsibx għal għada – il-PN

Aġġornat 10:42 PM

Posted by Bernard Grech on Monday, October 19, 2020

Read in English.

Il-Baġit għall-2021 hu Baġit “li jippjana għal-lum imma jinsa għada,” skont il-kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

F’numru ta’ Facebook posts li nkitbu matul id-diskors tal-Baġit tal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, il-PN iddeskriva l-Baġit bħala wieħed ‘li ma jaħsibx għal għada.’

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu fuq Facebook – ftit minuti qabel konferenza għall-aħbarijiet – Grech elabora fuq dan, u qal li l-partit mhux kuntent jara l-Baġit iservi bħala PR exercise għall-Gvern bħalma kien matul l-aħħar snin.

“Faċli tħares lejn il-miżuri li ħabbar il-Ministru tal-Finanzi u tgħid li dawn huma denji għall-ġurnata tal-lum. Però fis-sitwazzjoni bla preċedent li ninsabu fiha, dan hu baġit li sfortunatament nesa għada. Nesa jindirizza l-problemi li ninsabu fihom u dawk li ser niffaċċjaw b’mod qawwi fil-futur immedjat,” qal Grech.

Il-kap tal-PN irrikonoxxa li hemm miżuri pożittivi fost oħrajn “li ġew irriċiklati minn snin tal-imgħoddi,” però warajhom kien hemm Gvern li qed jibża jiffaċċja r-realtà.

“Realtà tal-qagħda finanzjarja li eluf ta’ familji qed jiffaċċjaw, intesiet. Realtà li l-inċertezza li nħolqot minħabba l-mismanagement tal-Prim Ministru qed tinħeba taħt it-tapit,” kiteb Grech.

Il-kap tal-PN insista li Malta għandha bżonn direzzjoni u tmexxija serja, u wiegħed li se jkompli jħabbar miżuri konkreti li l-pajjiż għandu bżonn f’dan il-mument.

L-ewwel reazzjoni għall-Baġit 2021. Dan ma kienx baġit normali, u żgur li mhux baġit li kuntenti narawh ikun PR exercise…

Posted by Bernard Grech on Monday, October 19, 2020

Gvern ‘jaħseb biss għall-elezzjoni li ġejja’ – Grech

Fil-konferenza għall-aħbarijet li seħħet aktar tard matul il-lejl, Grech issuġġerixxa wkoll li l-baġit kien wieħed li qed jaħseb għal elezzjoni ġenerali li se ssir fil-qrib.

Iddeskriva l-baġit bħala wieħed ta’ gvern li għejja, u li ma fehemx li s-sitwazzjoni tal-lum kienet riżultat tat-tmexxija ta’ “xejn m’hu xejn” tal-Prim Ministru Robert Abela.

Waqt li fi żmien straordinarju, wieħed kien jistenna miżuri straordinarji, minflok kien hemm “eżerċizzju ta’ riċiklaġġ ta’ miżuri ripetuti sena wara l-oħra.”

Skont il-kap tal-PN, il-baġit naqas milli jagħti s-serħan il-moħħ meħtieġ mill-Maltin u min-negozju. Wera wkoll xettiċiżmu fuq il-previżjonijiet ekonomiċi tal-Gvern, li skont Grech ma jidhrux sostenibbli.

Grech insista li Malta kellha bżonn direzzjoni, kompetenza, serjetà u fuq kollox tama, u qal li l-PN biss seta jipprovdi dan kollu. Il-partit, qal Grech, dejjem saħħaħ l-ekonomija tal-pajjiż meta kien fdat bit-tmexxija tiegħu.