Baġit għan-nies: “Nistenna li l-Gvern jiċċaqlaq fuq il-housing” – Charles Miceli

Newsbook.com.mt tkellem ma’ għaqdiet qrib il-foqra u l-ħaddiema dwar dak li jistennew li l-Gvern iħabbar għall-Baġit tas-sena d-dieħla.
Charles Miceli, iċ-Chairperson tal-Alleanza kontra l-Faqar qal ma’ Newsbook.com.mt li l-Alleanza tistenna li l-Gvern jiċċaqlaq dwar il-problema tal-kirjiet li jogħlew bla rażan.
Spjega li l-Gvern jaf li hemm problema dwar il-kera. Charles Miceli iqis li din tal-kera li togħla f’daqqa, hi l-ikbar problema bħalissa.
Wera tħassib li jekk il-Gvern ma jiċċaqlaqx dwar din il-problema, is-sitwazzjoni se tkompli tiggrava u ma jaħsibx li l-Gvern irid dan.
Qal li filwaqt li hu minnu li m’hawnx kriżi nazzjonali għax bejn 70% u 80% huma sidien ta’ darhom, hemm anomaliji fil-kirjiet li jitħallsu. Dan għax il-kirjiet ta’ qabel l-1995 huma ta’ madwar €200 fis-sena filwaqt li dawk ta’ wara jammontaw sa €800 fix-xahar.
Charles Miceli esprima t-tama li l-kwistjoni tal-housing tkun l-iktar ħaġa li l-Gvern jiċċaqlaq dwarha.