Baġit 2021: Min ifaħħar, min imaqdar

Aġġornat 08:06 AM
Edward Scicluna Budget Baġit 2021 bagalja Parlament
Sarah Cassar Dymond

Il-miżuri tal-ambjent mhux ċari ħafna – Żminijietna

L-organizzazzjoni xellugija Żminijietna fir-reazzjoni tagħha għall-baġit li ġie ppreżentat ilbieraħ mill-Ministru Edward Scicluna laqgħet b’sodisfazzjon il-miżuri soċjali li ġew introdotti. L-għaqda madankollu qalet li l-miżuri rigward l-ambjent mhumiex ċari.

L-għaqda qalet li l-miżuri bħaż-żieda fil-ġranet tal-leave, fil-benefiċċji biex wieħed jidħol jaħdem, il-pensjonijiet, allowance għat-tfal, il-benefiċċji supplimentari u tad-diżabilità u l-estensjoni fl-iskema ta’ suppliment tal-paga huma kollha miżuri tajbin.

Żiedu li l-Gvern mhux ċar biżżejjed fl-istrateġija tiegħu biex jimmaniġġja l-iskart b’mod effiċjenti, iżid iż-żoni ta’ afforestazzjoni, jagħmel il-pajjiż aktar nadif u jimmaniġġja aħjar iż-żoni rurali.

Baġit immirat li jindirizza l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-coronavirus – GBC

Il-Gozo Business Chamber (GBC) fir-reazzjoni tagħha qalet li dan il-baġit kien immirat li jindirizza l-effetti ekonomiċi u soċjali li qiegħda tħalli l-pandemija tal-coronavirus. Żiedu li miżuri tajbin li l-Gvern inkluda f’dan il-baġit huma l-istimulu fl-ekonomija bħal €100 vawċers lil persuni ‘l fuq minn 16-il sena, l-estensjoni tal-iskema tax-xiri tal-ewwel dar, l-estensjoni tal-wage suppliment sa Marzu 2021, l-iskemi immirati għal Għawdex biex jgħinu l-ekonomija Għawdxija u li l-Gvern ikkommetta ruħu għal-link permanenti bejn Malta u Għawdex. Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija qalet osservat ukoll l-iskemi relatati mad-dina diġitali f’Għawdex.

Il-Kamra qalet li l-Gvern għandu jinvesti aktar f’din id-dinja diġitali u jżid aktar investiment fil-hub diġitali tax-Xewkija. Appellaw biex ikun hemm diskriminazzjoni pożittiva ma’ Għawdex sabiex ikun hemm iktar investiment f’din il-gżira.

Nuqqas ta’ miżuri għas-settur artistiku – MEIA

Il-Malta Entertainment Industry and Arts Association qalet li minkejja li tilqa’ l-miżuri pożittivi f’dan il-baġit, il-Gvern naqas milli jimplimenta miżuri speċifiċi għas-settur tal-arti u d-divertiment.

Żiedu li sa mit-twaqqif ta’ din l-assoċċjazzjoni huma kienu fi djalogu mal-gvern sabiex ikun hemm pjan ta’  rkuprar f’dan is-settur. Madankollu dan kellu jieqaf temporanjament minħabba l-imxija tal-Covid-19.

Min-naħa tagħhom, l-MEIA għamlet 10 proposti għal dan il-baġit biex tiġi ssapportjata din l-industrija li tħaddem mall-5,000 persuna. Fi stqarrija l-assoċċjazzjoni qalet li l-Gvern jinkludi ħafna miżuri soċjali iżda ma jindirizzax il-qasam tal-arti u d-divertiment bħala settur li se jirkupra fi tliet snin li ġejjin.

L-MEIA qalet li l-miżura tal-wage suppliment hija miżura importanti iżda jisħqu li l-ħaddiema fil-qasam tal-arti u d-divertiment għandhom jingħataw il-paga sħiħa. Huma laqgħu b’sodisfazzjon il-pjan biex tiżdied l-ekonomija diġitali u tal-innovazzjoni.

Żiedu li l-Assoċċjazzjoni tinsab iddiżappuntata li l-unika miżura mħabbra f’dan il-baġit għas-settur tal-arti u l-innovazzjoni hija l-assistenza ta’ miljun ewro biex tindirizza l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19.

Il-Gvern mhux jifhem il-weġgħat u l-bżonnijiet tan-nies – FOIPN

Il-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern mhux jifhem il-weġgħat u l-bżonnijiet ta’ dawk li jinsabu f’riskju ta’ faqar. Żiedu li ż-żieda fl-għoli tal-ħajja ta’ €1.75 mhux se ttaffi l-bżonnijiet ta’ dawn in-nies biex jgħixu ħajja diċenti.

Żiedu li l-Gvern għandu obbligu morali li jkun hemm pjan fit-tul li jkun sostenibbli u effettiv sabiex jiġu indirizzati persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew imċaħħda materjalment minn bosta affarijiet.

Il-Forum qal li l-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni qabel il-baġit ippubblika l-proposti tiegħu sabiex tittaffa din is-sitwazzjoni. Fost il-proposti li ssuġerew kien hemm li jibdew it-taħdidiet biex tiddaħħal il-living wage u tiġi reveduta l-COLA. Żiedu li s-soluzzjonijiet għandhom ikunu immirati għall-immedjat biss imma għandu jkun hemm ukoll pjan fit-tul.

Għajnuna lill-Air Malta missa ngħatat qabel – ALPA

F’reazzjoni qasira, l-Airline Pilots Association (ALPA), li tirrapreżenta l-bdoti tal-Air Malta, laqgħet id-deċiżjoni li jintalab permess mill-Kummissjoni Ewropea biex tingħata għajnuna mill-istat għal-linja tal-ajru nazzjonali. Però l-union żiedet li din id-deċiżjoni setgħet ittieħdet qabel.

Il-union innutat li l-Ministru Scicluna qal li sar kull sforz biex ma jintilfux xogħlijiet, u qalet li kien ta’ dispjaċir li l-isforzi ġenwini tagħha u ta’ oħrajn biex ma jitkeċċewx 69 bdot mill-Air Malta ġew sabotaġġjati minn xi ftit.

Qalet li kommessa li tinstab soluzzjoni sostenibbli, mhux biss għal dawn id-69 bdot iżda għall-industrija tal-avjazzjoni Maltija kollha.

‘Reattiv imma mhux innovattiv’ – UĦM

Skont il-UĦM Voice of the Workers, il-Budget kien wieħed reattiv, filwaqt li kien hemm bżonn wieħed innovativ minħabba l-isfidi li l-pajjiż qed jaffaċċja: kemm mil-lat ta’ governanza kif ukoll minħabba l-pandemija.

Il-union qalet li l-pandemija wriet biċ-ċar li Malta tiddependi wisq fuq it-turiżmu. B’hekk kien hemm bżonn injezzjoni fl-ekonomija biex jikbru setturi ekonomiċi oħra.

Il-UĦM faħħret numru ta’ miżuri, inkluż l-estensjoni tal-wage supplement, titjib fiċ-children’s allowance u żidiet għall-pensjonanti.

Però stenniet aktar miżuri li jrażżnu t-tixrid tal-Covid-19, li jinkludu t-teleworking fid-dawl li ħafna xogħlijiet jistgħu isiru mid-ar.

Uriet ukoll id-diżappunt tagħha li l-Gvern reġa’ vvota €90 miljun għal Steward Healthacre, u li l-frontliners ma ngħataw l-ebda tip ta’ kumpens.

Nature Trust tilqa’ l-inizjattivi tal-baġit għall-ekonomija l-ħadra

L-għaqda mhux governattiva Nature Trust qalet li dan il-baġit għandu diversi inizjattivi għall-ekonomija ħadra. Huma laqgħu b’sodisfazzjon il-miżuri li ssemmew fil-baġit favur l-ambjent fosthom li jiġi eliminat l-użu singlu ta’ prodotti ġejjin mill-plastik kif ukoll li sal-2050, Malta tkun carbon-neutral.

Madankollu n-Nature Trust qalet li f’dan il-baġit il-Gvern ma semmiex li se jkun qiegħed jipproteġi s-siti naturali li fadal fil-Gżejjer Maltin kif ukoll r-restawr tas-sit eżistenti natura 2000.

Min-naħa tagħhom Nature Trust qalu li jittamaw l-ambjent naturali jingħata l-attenzjoni li jixraqlu speċjalment fil-proġetti u l-protezzjoni tas-siti naturali.

Il-UPE iddiżappuntata għax ‘l-edukaturi reġgħu intesew’

Il-Union of Professional Educators – Voice of the Workers (UPE) qalet li ddiżappuntata mhux ftit bil-baġit, għax qalet li għal darb’oħra – minkejja l-isforzi tagħhom fi żmien il-pandemija – l-edukaturi reġgħu intesew.

Il-union qalet li kienet tistenna li l-korsijiet tal-LSEs jiġu mħallsa minn qabel, u mhux jibqgħu kostretti jħallsu somom kbar qabel jibda l-kors biex wara jiġu rritornati lura.

Żiedet li supply teachers misshom ġew regolati aħjar biex jinħarġu mil-limbu li jinstabu fih, li l-ispejjez tal-internet tal-edukaturi jiġu ssussidjati, li jkun hemm rinnovazzjonijiet fi skejjel antiki.

Il-Malta Motorsport Federation tilmenta li ħafna proposti baqgħu fuq l-ixkaffa

Il-Malta Motorsports Federation esprimiet diżappunt għan-nuqqas ta’ fondi għaż-żvilupp tal-motorsports fil-baġit, filwaqt li €11 miljun ġew allokati għall-isport.

Hi fakkret li l-iżvilupp ta’ korsa għat-tlielaq tal-karozzi ilha mwiegħda 7 snin, u li ma kien hemm l-ebda riferenza għal din fid-diskors tal-baġit.

L-MMF innutat li fil-proposti tagħha, kienet talbet li tingħata direzzjoni ċara fuq din il-faċilità, bil-fondi kollha pprovduti mill-privat. Però il-gvern għażel li jinjora wkoll miżura temporanja biex jingħataw fondi biex sewwieqa lokali ikunu jistgħu jipprattikaw barra minn xtutna.

Min-naħa l-oħra, uriet l-apprezzament għal fatt li ntlaqgħet proposta minn tagħha – li l-liċenza għal karozzi li jintużaw fi tmiem il-ġimgha u fil-festi pubbliċi tonqos bi 35%.

Żieda ta’ ‘porzjon ta’ roly poly fil-ġimgħa’ – SĦPN

Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista iddeskriviet il-baġit bħala “x-ray ta’ gvern li għejja,” u nsistiet li ż-żieda ta’ €1.75 fil-ġimgħa ma tirriflettix verament l-għoli eżaġerat tal-ħajja peress li bbażata fuq mekkaniżmu miftiehem fis-snin 90. Iż-żieda hi ekwivalent għal porzjon ta’ roly poly, skont l-SĦPN.

Qalet li l-gvern ma ra xejn ħażin għax “għal Robert Abela u l-klikka tiegħu” b’€1.75 u mingħajrhom xorta, peress li min jgħix ħajja lussuża minn fuq fondi tal-gvern ma jħossx il-polz tal-poplu.

Il-moviment tal-ħaddiema tal-PN laqa’ ż-żieda ta’ jum leave, żidiet supplimentari f’numru ta’ bonuses u t-tnedija mill-ġdid ta’ vouchers, iżda staqsa fejn kienu l-ideat ġodda. Skont l-SĦPN, jidher ċar li Malta ħa tibqa’ mwaħħla “mal-importazzjoni tal-ħaddiema li jitħallsu bil-boqxiex u mal-politika taċ-cheap labour.”

L-SĦPN ikkonkludiet li l-baġit kien wieħed ta’ lip service, li jidher sabiħ iżda li ma jgħinx lil min hu fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar.