Baġit 2020: Iridu ħelikopter u airstrip f’Għawdex

Read in English.

L-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu f’Għawdex għamlet 34 proposta lill-Gvern għall-baġit tal-2020 fosthom talbet għal ħelikopter, airstrip u l-introduzzjoni permanenti tar-raba vapur. L-ebda waħda mill-proposti ma għamlet referenza għall-mina li tinsab fil-pjan sabiex tinbena bejn Malta u Għawdex.

Fost it-talbiet, l-assoċjazzjoni talbet għal introduzzjoni mill-ġdid tas-servizz tal-ħelikopter bejn iż-żewġ gżejjer. Qal li dan għandu joffri servizz ta’ check-in għal passiġġieri li jitilqu minn Għawdex biex jaqbdu t-titjira lura lejn pajjiżhom mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Ipproponiet ukoll li l-Gvern jibni airstrip ta’ minn tal-inqas 450 metru li takkomoda l-inżul u t-tlugħ ta’ ajruplani żgħar.

Dwar is-servizz tal-Gozo Channel, l-assoċjazzjoni talbet li jkun hemm biljett skont l-istaġun u b’hekk tinbidel l-istruttura tal-ferry fare. Semmiet ukoll il-possibilità ta’ smart ticketing għall-vapuri tal-Gozo Channel. Intant sostniet li hemm bżonn li r-raba vapur jiżdied mal-flotta  b’mod permanenti. Qalet li l-Gvern għandu jikkummissjona r-raba vapur u li għandu jkun identiku għall-vapuri l-oħrajn.

L-Assoċjazzjoni talbet għal servizz shuttle bejn l-ajruport u ċ-Ċirkewwa preferibbilment operat mill-Malta Public Transport. Talbet ukoll għal investiment infrastrutturali fil-bajja tax-Xlendi u żona ġdida għall-irmonk tal-vapuri fl-Imġarr bħala alternattivi.

Fejn jidħol il-qasam tal-akkomodazzjonijiet u servizzi turistiċi f’Għawdex, l-assoċjazzjoni talbet għal tnaqqis tal-VAT. It-talba prinċipali hija li r-rata tal-VAT fuq ristoranti, servizzi tad-diving u transport għandha tinżel għal 10% minn 18%. Intant, qalet li r-rata tal-VAT fuq biljetti ta’ kunċerti, teatri, wirjiet, parks tad-divertiment, mużewijiet, ċinema u attivitajiet kulturali oħrajn għandha tkun 7%.

L-Assoċjazzjoni talbet li konferenzi żgħar u sponsorjati li jsiru ta’ kull sena mill-Gvern għandhom isiru f’Għawdex. Talbet li l-Intervention Team fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex għandu jibda jieħu ħsieb it-tisbieħ u t-tiswija, kif ukoll l-immaniġġjar ta’ bosta żoni turistiċi f’Għawdex. L-Assoċjazzjoni talbet ukoll għal żvilupp ta’ faċilitajiet sportivi, inkluż water park u park tad-divertiment, trakka tal-atletika u faċilitajiet għal training camps f’Ta’ Xhajma.