Baġit 2020: 6 proposti mill-Kamra tal-Kummerċ

Read in English.

Matul il-laqgħa li l-kamra tal-kummeċ kellha mal-Prim Ministru Joseph Muscat, ġew ippreżentati sitt proposti għall-baġit 2020. Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb qal li s-suċċess ekonomiku għandu jiġi mħares sabiex ikun assigurat li jkompli jkun hemm aktar tkabbir ekonomiku fil-futur.

Fost il-proposti li għamlet il-kamra tal-kummerċ ipproponiet li jsir analiżi  dwar tan-nefqa tal-impjegati mqabbla produttività. Spjegat li ż-żieda fil-leave tal-ħaddiema u n-nuqqas ta’ ħaddiema qed iwassal biex tiżdied in-nefqa tan-negozjanti. Il-kamra tal-kummerċ ipproponiet ukoll għandu jkun hemm riforma olisitika fil-liġi tal-kirjiet. Dwar is-settur finanzjarju l-Kamra qalet li din għandha titnaddaf minn dawk li qed itappnu r-reputazzjoni ta’ dan is-settur mingħajr dewmien.

Proposta oħra li l-Kamra tal-Kummerċ tħoss li għandha tiġi indirizzata f’dan il-baġit hija li għandu jkun hemm trasport alternattiv li jindirizza wkoll trasport għall-massa sabiex tiġi megħluba l-mentalità ta’ karozza għal kull persuna. Dwar is-settur tal-kostruzzjoni l-Perit David Xuereb qal li għandu jiġi mħares u żviluppat dan is-settur iżda għandhom jiġu mħarsa l-ambjent u terzi partijiet. L-aħħar proposta tal-kamra tal-kummerċ għall-baġit 2020 hija dwar ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Huma qed jipproponu li għandu jkun hemm fond biex minnu jiġu ffinanzjati riċerki differenti.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għal dawn il-proposti qal li bħala Gvern, iħares lejn il-baġit bi pjan strateġiku u mhux pjan għal sena waħda biss. Żied li sal-aħħar ta’ Settembru l-Gvern implimenta 74% tal-miżuri tal-baġit. Kompla li l-Gvern se jkompli jaħdem biex jinżamm dan ir-ritmu.

Intant f’konferenza tal-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li l-miżuri tal-baġit li twettqu matul l-aħħar sena jixhdu sens ta’ kontabilità fiskali u finanzjarja kif ukoll it-trasparenza tal-Gvern. Waqt din il-konferenza huwa ta’ redikont tat-twettiq tal-miżuri tal-baġit 2019.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar spjega li saru 74% tal-miżuri tal-baġit 2019. Żied li dawk il-miżuri li ma twettqux se jkun assigurat li jaraw li jitwettqu.