Baġit 2018: “Xhieda li l-ġid tal-pajjiż se jilħaq lil kull persuna”

L-Ewroparlamentari Miriam Dalli qalet li l-Baġit 2018 qed jagħti aktar flus u inċentivi lill-familji, u b’hekk il-ġid tal-pajjiż qed jilħaq firxa wiesgħa ta’ nies, fosthom l-anzjani, il-pensjonanti, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema.
Waqt laqgħa lbieraħ filgħaxija fil-lukanda Fortina f’Tas-Sliema, Dalli kkritikat lil min staqsa min qed igawdi mis-surplus tal-pajjiż, u sostniet li l-Gvern ta risposta ċara ta’ kif qed jitqassam dan il-ġid li l-ebda gvern fl-imgħoddi ma rnexxielu jiġġenera.
L-Ewroparlamentari stqarret li l-Baġit 2018 jippreżenta lil familji Maltin u Għawdxin bil-viżjoni tal-Gvern għall-futur, li għandha sserrħilhom rashom li l-ħajja tagħhom kif ukoll dik ta’ uliedhom tista’ titjieb.
Waqt il-laqgħa, hija tkellmet ukoll dwar il-ħidma tagħha fil-Parlament Ewropew kemm fil-qasam tas-sigurtà fil-kumitat tal-Gustizzja u Intern, kif ukoll fil-qasam tal-ambjent u s-saħħa pubblika.