BAĠIT 2018: L-esperti jispjegawlek il-Baġit – segwi live fuq Newsbook u RTK 103FM

Il-baġit kif tifhmu int  
Hekk kif it-Tnejn li ġej, il-Gvern se jħabbar il-baġit għas-sena d-dieħla, il-kamra tal-aħbarijiet ta’ Newsbook u RTK 103FM se jħejju programm speċjali mxandar b’mod awdjo-viżiv minn fuq is-sit Newsbook.com.mt jew minn fuq il-paġna tal-Facebook ta’ Newsbook.
L-għan tal-programm huwa li nwasslu lis-semmiegħa u lit-telespettaturi, il-baġit kif jifhmu ċ-ċittadin komuni li forsi mhux espert tal-ekonomija. Fuq kollox, se ninfurmawk dwar kif il-baġit se jolqtok bħala ċittadin, kemm b’mod dirett (bħal aġġustament fit-taxxa jew fil-paga), iżda wkoll b’mod indirett (bħall-infiq tal-gvern eċċ).
B’hekk se nkunu qed inħarsu lejn il-baġit b’mod olistiku, mal-professjonisti fl-istudjo, fosthom accountant u ekonomista. Se ningħaqdu wkoll f'kollegamenti telefoniċi ma' diversi opinjonisti minn oqsma differenti fosthom: l-ekonomista Gordon Cordina, l-espert finanzjarju David Ferry, Gejtu Vella, Joe Gerada, u rappreżentanti mill-GWU, Moviment Graffiti, UĦM, u Alleanza kontra l-Faqar.  
Bil-għan li nwasslulek informazzjoni bilanċjata u oġġettiva, se jkollna wkoll rappreżentanti miż-żewġ partiti li żgur se joħolqu dinamika interessanti fl-isfond tad-diskussjoni.
Barra minn hekk, se nkunu qedgħin niftħu l-linji ta’ kommunikazzjoni direttament fl-istudjows tagħna permezz tal-paġna ta’ Facebook, fejn l-udjenza hi mistiedna twassal mistoqsijiet jew kummenti lill-mistednin.
Fl-istess ħin, it-tim tal-midja diġitali tagħna se jkun qiegħed itella’ live fuq il-paġna tal-Facebook ta’ Newsbook u RTK 103FM, spjegazzjoni ta’ xi jkun qiegħed jintqal fil-Baġit permezz tal-viżwal.
Ix-xandira diretta se tibqa’ sejra sat-tmiem tal-konferenzi tal-Prim Ministru u tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Jekk għandek xi suġġerimenti oħra dwar il-programm speċjali tal-Baġit 2018, ibagħtilna imejl fuq info@newsbook.com.mt