Baga għall-cruise liners fix-Xlendi għal nofs 2018

Il-baga ġdida għall-cruise liners f'Għawdex mistennija tiġi nstallata sa nofs l-2018.
Dan qalu l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said.
Dr Refalo qal li l-Ministeru għaddej bit-tħejjijiet neċessarji għall-pubblikazzjoni tat-tender, fosthom l-abbozzar tar-rekwiżiti.
Il-baga, li se tkun installata fix-Xlendi, mistennija tiġi tiswa madwar €1.5 miljun li minnhom madwar 1.15 miljun se jkunu minfuqa għall-manifattura u l-installazzjoni tal-baga. Spejjeż oħra se jkunu jinkludu x-xiri ta’ studji, surveys tekniċi u ttestjar għal madwar €200,000. Se jintefqu wkoll madwar €105,000 fuq servizzi professjonali u superviżjoni tal-proġett kif ukoll madwar €120,000 għall-manutenzjoni u ċ-ċertifikazzjoni għal ħames snin.