BAG: Il-mogħdija tar-roti tal-Gudja mhux adattata

B’referenza għall-artiklu "Jilmentaw imma…", il-Bicycling Advocacy Group (BAG) irreaġixxa u spjega għalfejn xi ċiklisti ma jużawx is-cycle lane li hemm biswit l-ajruport.
 
Il-BAG qal li r-ritratti miġjuba mal-artiklu juru l-mogħdija tar-roti fit-triq bejn ir-roundabout tal-ajruport u l-Lyster Barracks, li tiġi Vjal l-Avjazzjoni li mbagħad issir Triq Ħal Far. Din l-infrastruttura hija inadegwata għall-biċċa l-kbira ta’ dawk li jużaw ir-rota u huwa appuntu għalhekk li ma tintużax wisq. Barra minn hekk, mhijiex obbligatorja.
 
Din il-mogħdija tar-roti hija inadegwata għal bosta raġunijiet fosthom li l-veloċità massima skont il-liġi f’dik il-mogħdija hija ta’ 6 km fis-siegħa, jiġifieri bħall-mixi. Il-mogħdija hija direzzjonali, jiġifieri skont il-liġi tista’ tintuża biss f’direzzjoni waħda minn Ħal Far lejn Ħal Luqa, mhux bil-kontra. Il-mogħdija inaċċessibbli mit-toroq tal-madwar, jiġifieri ma tistax toħroġ minnha f’nofsha jew tibdieha minn nofsha kif ukoll li l-mogħdija mhix sħiħa, jiġifieri toħorġok lura fl-istess triq mal-karozzi nofs triq u spiss tkun ostakolata minn karozzi pparkjati illegalment fiż-żewġt itruf.
 
Il-BAG tgħid li għaldaqstant, dawk iċ-ċiklisti kollha fir-ritratti li jidhru sejrin fid-direzzjoni ta’ Ħal Far, ma setgħu qatt jużaw din l-infrastruttura. Kieku għamlu dan kienu jkunu qegħdin jiksru l-liġi. Fl-istess ħin, dawk li kienu sejrin fid-direzzjoni ta’ Ħal Luqa kellhom l-għażla. Huma għażlu li ma jużawhiex għal xi waħda mir-raġunijiet t'hawn fuq, u dan kellhom kull dritt jagħmluh! Il-BAG jaħseb li huwa importanti li jispjega l-liġi xi tgħid dwar dan. Wara kollox, l-edukazzjoni hija waħda mill-għanijiet tal-Bicycling Advocacy Group.
 
Il-Liġi tgħid dan li ġej:
11 (1) Ħadd ma għandu jsuq jew jippermetti li tinsaq ċikletta bil-pedali jew ċikletta bil-pedali li taħdem ukoll bl-għajnuna ta’ mutur, kompriża pedelec, għajr jekk immarkat xort’oħra –
(a) fuq promenade;
(b) f’subways użati mill-pubbliku;
(ċ) f’mini li jiffurmaw parti minn triq;
(d) fuq bankini:
Iżda, ċikletti bil-pedali, kompriżi pedelecs b’mutur li jipproduċi 250w jew inqas jistgħu jinsaqu, bi prudenza, fuq bankini tul bypasses u fuq bankini f’mini, b’veloċità ta’ mhux aktar minn 6 kilometri fis-siegħa u billi tingħata d-dritta lil min ikun għaddej bil-mixi. F’kull każ ċikletti bil-pedali żgħar jistgħu jinsaqu fuq bankini u promenades minn tfal taħt l-età ta’ tnax-il sena.
(2) Meta persuna tkun qed issuq ċikletta bil-pedali jew ċikletta bil-pedali li taħdem ukoll bl-għajnuna ta' mutur, kompriża pedelec, fit-triq, għandha żżomm kemm hu possibbli ’l ġewwa ħafna fuq ix-xellug tat-triq fid-direzzjoni tat-traffiku ħlief meta jkun qed joqrob intersezzjoni jew roundabout jew meta jkun qed jaqbeż vetturi oħra.
Artiklu 11 tar-Regolamenti dwar Vetturi b’Qawwa Baxxa u Ċikletti bil-Pedali (L.S. 65.26
L-ewwel u qabel kollox, jeżistu żewġ tipi ta’ infrastruttura għar-roti f’Malta. Insibu l-korsiji tar-roti fit-triq (cycle lanes), li huma parti mit-triq, u nsibu wkoll il-mogħdijiet tar-roti fuq il-bankina (cycle tracks) tul xi bypasses.
F'dan il-każ qegħdin nitkellmu fuq mogħdija tar-roti fuq il-bankina u l-liġi ma’ tobbliga lil ħadd biex juża din it-tip ta’ infrastruttura, għax tgħid li persuna bir-rota "għandha żżomm kemm hu possibbli ’l ġewwa ħafna fuq ix-xellug tat-triq fid-direzzjoni tat-traffiku." Il-kelma "għandha" tindika obbligu, jiġifieri wieħed huwa obbligat isuq max-xellug fit-triq. Il-bankina ma tgħoddx f'dan il-każ.
Il-liġi tkompli tgħid li r-roti "jistgħu jinsaqu, bi prudenza, fuq bankini tul bypasses b’veloċità ta’ mhux aktar minn 6 kilometri fis-siegħa u billi tingħata d-dritta lil min ikun għaddej bil-mixi." Il-kelma "jistgħu" tfisser li għandhom għażla jużawx din it-tip ta’ infrastruttura fuq il-bankina jew le.
Għalhekk tajjeb li wieħed jgħid li ċ-ċiklisti kollha li dehru fir-ritratti kienu kollha qed josservaw din il-liġi. Ma jagħmilx sens li tingħata l-impressjoni li dawn kienu qegħdin isuqu b’mod irresponsabbli jew illegali.

Intant Newsbook.com.mt talab ukoll razzjoni minn Transport Malta dwar dawn l-infrastrutturi u l-użu tagħhom imma sal-mument tal-pubblikazzjoni ma rċieva ebda risposta.

Ritratt: BAG