Badminton​ Europe tagħżel lil Matthew Abela għal taħriġ fid-Danimarka

Fi żmien qasir, il-ħajja taċ-Champion attwali tal-Badminton f'Malta, Matthew Abela, se tinbidel hekk kif se jibda jgħix ġewwa d-Danimarka biex ikun parti miċ-Ċentru ta' Eċċellenza ta' Badminton Europe.
Ftit xhur ilu Badminton Europe, li hija l-federazzjoni tal-Badminton fl-Ewropa, nediet inizjattiva bl-isem ta' "Badminton Europe Centre of Excellence" li se jkun sforz biex jinġabru il-plejers Ewropej li għandom potenzjal f'dan l-isport u jingħataw taħriġ u tmexxija professjonali.
Biex jiġu deċiżi l-plejers li se jintgħażlu, Badminton Europe organizzat żewġ Selection Camps fejn il-kowċis setgħu jevalwaw il-potenzjal u l-abbiltà tal-plejers li applikaw.  Abela kien wieħed mill-20 plejer li ġew magħżula biex ikun parti minn dan il-proġett. Dan huwa pass kbir għal Abela hekk kif ser jibda jieħu taħriġ f'ċentru li jorffri taħriġ ta' livell għoli ħafna. Dan it-taħriġ se jkun qed isir minn kowċis ta' esperjenza, flimkien ma' plejers oħrajn ta' livell għoli, darbtejn kuljum.
Iċ-Ċentru ta' Eċċellenza se jiġi mwaqqaf f'Holbaek, id-Danimarka, fejn Abela se jibda jgħix mill-bidu ta' Settembru li ġej. Jeroen van Dijk se jkun il-Head Coach ta' dan iċ-ċentru mgħejjun minn assistenti kowċis li se joffru l-esperjenza tagħhom fil-logħba biex jgħinu lil dawn il-plejers. L-għan aħħari ta' dan iċ-ċentru huwa dak li jassistu plejers b'potenzjal li ġejjin minn Assoċċjazzjonijiet Ewropej biex tingħatalhom l-opportunità biex ikunu jistgħu jtejbu il-livell ta' logħba tagħhom permezz ta' taħriġ sostenibbli ta' kwalità għolja biex ikomplu jtejbu l-livell tagħhom. Bis-saħħa ta' dan il-proġett, l-Ewropa tista' tibqa' toffri kompetizzjoni qawwija u żżomm postha fiż-żona tal-midalji.
Il-ħajja ta’ Matthew hija mdawra bil-badminton, u feraħ ħafna meta sar jaf li kien intgħażel biex ikun parti minn dan iċ-ċentru.  Huwa jinsab ħerqan ħafna biex jibda din il-ħajja ġdida ġewwa d-Danimarka.  Hu qal: “Huwa unur kbir għalija li ntgħażilt biex inkun parti minn dan iċ-ċentru, fejn ħa nkun qed nitħarreġ ma' fost l-aqwa atleti fl-Ewropa, flimkien ma' kowċis professjonali ġo ambjent professjonali.  Għalhekk din għalija hi ħolma li saret realtà’”.
Dan huwa pass enormi għal Matthew. L-għanijiet tiegħu ħa jieħdu xgħira oħra u b’hekk ikun jista' jimmira biex jieħu sehem f’kompetizzjonijiet ta' livell ogħla u għaliex le, iżomm f’moħħu wkoll parteċipazzjoni f’xi edizzjoni tal-Olimpjadi u Kampjonati tad-Dinja.
B’dawn l-għanijiet f’moħħ Matthew, hu mhu se jinsa qatt min fejn ġie, u se jagħmel mill-aħjar, biex ukoll plejers tal-badminton iżgħar jistgħu jħarsu lejh u jkun ta' ispirazzjoni għalihom.  Fl-aħħar hu qalilna li: “Ninsab ċertissimu li din l-esperjenza se tkabbarni ħafna bħala persuna imma l-iżjed bħala atleta u b’hekk inkun ta' mudell għall-plejers sħabi li se nħalli warajja.”