B’200 każ kuljum ma jkunx hawn biżżejjed ventilators – Prof. Grech

Mater-Dei-ITU-coronavirus-1
Monique Agius

Jekk jibda jkun hemm 200 każ ġdid ta’ coronavirus kuljum, ma jkun hawn biżżejjed ventilators, skont il-Professur Victor Grech.

Grech huwa konsulent tal-pedjatrija f’Mater Dei u qed jaġġorna website b’informazzjoni u statistiċi relatati mal-COVID-19.

Grech qal li l-intensive therapy unit (ITU) ma jkunx jista’ jdaħħal aktar minn 10 pazjenti f’qagħda kritika kuljum.

“Dawn il-pazjenti addizzjonali se jmutu”, qal il-Prof. Grech.

Prof. Grech spjega li pazjenti f’kundizzjoni kritika jkollhom bżonn ventilazzjoni. Din hija meta jintużaw il-magni biex jgħinu lil persuna tieħu n-nifs meta l-pulman tagħha ma jkunx jista’ jagħmel dan waħdu.

X’inhu ventilator?

  • Ventilator huwa magna li tgħin lil persuna tieħu n-nifs billi ddaħħal l-ossiġnu (oxygen) fil-pulmun u tneħħi d-dijossidu tal-karbonju (carbon dioxide)
  • Ventilators jistgħu jgħinu lil persuna tieħu n-nifs jekk ikollha mard fil-pulmun jew kundizzjoni oħra li tagħmilha diffiċli biex tieħu n-nifs. Jistgħu jintużaw ukoll waqt jew wara xi operazzjoni
  • Pajp żgħir li jkun imqabbad mal-ventilator jitpoġġa f’ħalq, fl-imnieħer, jew f’għonq persuna. Jitpoġġa fl-għonq permezz ta’ qasma (tracheostomy)

Grech qal li f’Malta hawn 100 ventilator.

“Dan huwa ammont sinifikanti ta’ magni għal pajjiż ta’ dan id-daqs,” qal Grech.

Skont rapport minn Imperial College London 5% tal-persuni infettati jkollhom bżonn kura intensiva. Dawn idumu madwar 10 ijiem fl-ITU. Meta wieħed jidħol fl-ITU bil-COVID-19 iċ-ċans li jsalva jkun dak ta’ 50%. 

Grech qal li jekk ikun hemm influss stabbli ta’ pazjenti deħlin l-ITU, kuljum ikun hemm madwar 10 ventilators disponibbli. Dan għaliex ma’ kull ġurnata li tgħaddi 10 pazjenti jitilqu mill-ITU.

Spjega li jekk ikun hemm 10 pazjenti fl-ITU, dan ifisser 5% ta’ popolazzjoni infettata – total ta’ 200 każ. Huwa għalhekk li ċ-ċifra ma tista taqbeż il-200 każ kuljum. Appella biex kulħadd jgħin biex ma jkomplix jinxtered il-virus.

Skont it-Times of Malta, il-Gvern Malti għamel talba għal aktar apparat. Dan jinkludi ventilators, goggles, maskri, u ingwanti. Kelliema għall-Gvern ma żvelatx in-numru preċiż ta’ ventilators li se jiġu ordnati imma qalet li n-numru huwa “sinifikanti”. Malta jaf tirċievi madwar €48 miljun f’fondi Ewropej biex tiġġieled kontra l-coronavirus.

Skont il-BBC, il-Gvern Ingliż ordna 10,000 ventilator mill-kumpanija Dyson minħabba l-kriżi tal-coronavirus.

Grech ikkalkula wkoll in-numri ta’ kemm jistgħu jiġu infettati persuni u kemm minnhom jistgħu jispiċċaw l-isptar ibbażati fuq rati ta’ infezzjoni ta’ 20, 40, 60, 80% tal-popolazzjoni Maltija.

Fil-Parlament il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li Malta għandha 100 sodda fl-ITU. Il-Gvern irid ukoll jibni sptar pre-fabricated li għandu jkollu madwar 57 ventilators.

Malta se tkun qed tibni sptar ġdid li jkun jista’ jesa’ aktar minn 90 pazjenti u ħaddiema fi ftit ġimgħat. Il-Ministeru għas-Saħħa qed ifittex offerti għax-xiri u installazzjoni ta’ “modular extendable Sandwich Panel Negative-Pressure Field Hospital”. Il-Gvern irid li l-isptar ikun mgħammar bl-affarijiet kollha li hemm bżonn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn