B’tgħanniqa sabu lil min iridhom

Ritratt li tpoġġa fuq Facebook irnexxilu jsalva l-ħajja ta’ żewġt iklieb abbandunati li kienu se jitraqqdu f’ċentru f’Atlanta fl-Istati Uniti.
Ħadd ma kellu interess li jadotta dawn il-klieb u bħalma jiġri fl-Istati Uniti wara li jgħaddi ċertu ammont ta’ żmien, il-klieb jgħaddu mill-ewtanasja minħabba l-problema ta’ spazju fiċ-ċentri.
Kien għad baqa’ biss 24 siegħa biex il-klieb jitraqqdu meta volontarju mill-assoċjazzjoni Angels Among Us induna li ż-żewġt iklieb kienu verament ħbieb ta’ xulxin u rnexxilu jieħu ritratt tagħhom mgħannqin.
Iddeċieda li jtella’ r-ritratt fuq Facebook u kiteb “Aħna Kala u Keira u ninsabu beżgħana, għaliex jekk mhux se nsibu min hu lest li jadottana, dan se jkun l-aħħar jum ta’ ħajjitna”.
Lanqas biss għaddew sagħtejn minn meta r-ritratt tpoġġa fuq is-sit soċjali li l-klieb sabu sid, li kien lest li jadottahom it-tnejn li huma.