B’suġġetti vokazzjonali tista’ tistudja fil-Junior College

Għall-ewwel darba, dawk l-istudenti li ġabu l-O Level f’żewġ suġġetti vokazzjonali, flimkien mal-Matematika, l-Ingliż, il-Malti u suġġett wieħed tax-Xjenza, jistgħu japplikaw biex jistudjaw fil-Junior College fi ħdan l-Università ta’ Malta.
Dan tħabbar waqt it-tnedija tal-Prospectus għas-sena akkademika li ġejja.
Għall-ewwel darba wkoll, f’ċertu każijiet, studenti li jħossuha diffiċli li jtemmu l-kors fi żmien sentejn, se jingħataw l-opportunità li jsegwu l-kors fuq żmien itwal.
Apparti minn hekk, studenti li mingħajr ma jkollhom kontrol jispiċċaw jissospendu l-kors tagħhom, qed jingħataw l-opportunità li jkompli bil-kors is-sena ta’ wara mingħajr ma jkunu meqjusa repeaters.
Il-Junior College qed jagħti l-opportunità lill-istudenti li jirrepetu darba l-ewwel sena, u darba oħra t-tieni sena. Sa issa, l-istudenti setgħu jirrepetu darba biss.
Il-Bijoloġija, l-Ingliż u l-Pure Mathematics huma l-aktar suġġetti popolari studjati fil-Livell Avvanzat (A Level), filwaqt li l-Ingliż, il-Filosofija u l-Fiżika huma l-aktar popolari fuq livell intermedju.
Intant dawk l-istudenti li rċevew ir-riżultati u dawk li qed jistennew ir-riżultati tar-resit f’Settembru jistgħu japplikaw għall-Junior College bejn it-Tlieta 1 ta’ Awwissu u t-Tlieta 8 ta’ Awwissu 2017. 
Aktar informazzjoni dwar il-prospectus tista’ tinkiseb minn fuq is-sit tal-kulleġġ.