“B’sehmi fil-Eurovision qed ngħin lil pajjiżi f’daż-żmien ta’ kriżi” – Mariya Yaremchuk

Jekk ħafna jqisu l-festival Ewroviżiv biss bħala kompetizzjoni bejn il-pajjiżi parteċipanti, għall-kantanta Ukrena ta' din is-sena il-festival huwa biss għodda effettiva li biha tista' tgħin lil pajjiżha u lill-poplu Ukren iwassal leħnu f'dan iż-żmien ta' kriżi. 
F'intervista li tat lil Newsbook.com.mt Mariya qalet li temmen li: "F'mumenti diffiċli nazzjonali wieħed għandu jipprova jara hu x'jista' jagħmel għal pajjiżu. Kien dan li ħajjarni nieħu sehem din is-sena. Għad li għadni żagħżugħa nqis li l-festival jista' jgħinni nwassal leħni u leħen il-poplu Ukren lil oħrajn madwar l-Ewropa. Inħossni grata ħafna li l-kommunita' internazzjonali qed tgħinna u tappoġjana f'dan iż-żmien ta' kriżi".
Fil-kantanta ta' 21 sena tispikka l-pożittivita. Dan minkejja li tilfet lil missierha meta kellha biss sentejn.  Stqarret li minħabba din iċ-ċirkustanza, tul ħajjitha tgħallmet kemm hu importanti li tgħix il-mument. Għaliha il-flus, is-sbuħija jew il-fama mhux importanti daqs il-prijorita li tapprezza dejjem aktar il-mument li għandha f'idha. Temmen li għada jista' jkun tard wisq.  Dan hu – fi kliemha – aktar importanti minn kull titlu jew trofew.
Il-kanzunetta ta' Mariya li biha se tieħu sehem illejla fl-ewwel semi-finali Ewroviżiv jisimha Tick Tock u titkellem dwar l-imħabba. Il-kantanta żagħżugħa stqarret li f'għajnejha l-imħabba vera, tidher biss fejn persuna tagħti aktar milli jirċievi. "Għad li ħafna provaw ikantaw jew jiktbu dan dwar it-terminu, spiss ninsew li s-sigriet ewlieni biex wieħed iħobb huwa li turi r-rispett f'affarijiet żgħar u sempliċi.Huwa biss meta tħobb b'dan il-mod li tista' tgħid li inti vera ħaj. Il-bqija ħajtek tkun vojta u bla skop."
Skont il-bookmakers, il-kanzunetta ta' Mariya hija waħda mill-ħames kanzunetti l-aktar favoriti fil-Festival ta' din is-sena. Magħha hemm l-Armenia, l-Iżvezja, l-Ingilterra u d-Danimarka.