B’kuntrattur ġdid tinqata’ l-waiting list tal-Meals on Wheels

Fil-qrib se jiġi ppubblikat it-tender biex is-servizz tal-Meals on Wheels jibda jingħata mill-privat.
Malli jinstab il-kuntrattur ġdid, id-domanda għas-servizz mistennija tintlaqa’ kollha biex tinqata’ għal kollox il-waiting list li hemm bħalissa.
It-tender jinsab diġà għand id-Dipartiment tal-Kuntratti u jinsab fl-aħħar fażi biex jiġi ppubblikat. 
Kelliem għas-Segretarjat Parlamentari tal-Anzjanità Attiva kkonferma dan ma’ Newsbook.com.mt hekk kif il-ġimgħa li għaddiet, fil-Parlament, ħareġ li hemm iktar anzjani jistennew is-servizz milli fil-fatt dawk li jagħmlu użu minnu.
Kuljum, jitqassam l-ikel lil 355 anzjan jew persuna b’diżabilità fid-dar tagħhom. Bħalissa hemm lista ta’ stennija li tlaħħaq it-371 persuna.
Sena ilu, kien jitqassam l-ikel lil madwar 300 anzjan u kien hemm lista ta' stennija ta' 214. 
F’Lulju, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li l-Gvern kien fil-proċess li joħroġ tender apposta biex is-servizz tal-Meals on Wheels isir kollu mill-privat.