“B’għażliet żbaljati, il-ministeru tas-saċerdozju jitqiegħed f’periklu” – L-Isqof t’Għawdex

Fiċ-Ċelebrazzjoni tat-twaqqif tal-Ordni Sagri li matulha ġew imbierka ż-Żjut Imqaddsa fil-Katidral tar-Rabat Għawdex, l-Isqof Mario Grech tkellem dwar l-importanza li s-saċerdoti jfasslu programm pastorali b'mod delikat għall-aħħar.
Fl-Omelija tiegħu, Monsinjur Grech qal li l-istorja tikkonferma li l-pjan pastorali ta’ Ġesù ħadem u ta ħafna frott bnin – minkejja li kellu sfidi kbar u kellu jħallas prezz għoli.
Saħaq li l-impostazzjoni li s-saċerdoti jagħtu lill-ministeru tagħhom hija ħaġa serja ħafna, għax bl-għażliet żbaljati, il-ministeru tas-saċerdozju jista' jitqiegħed f’periklu.
Sostna li kif Ġesu' rċieva l-unzjoni tal-Ispirtu s-Santu, mingħajr l-għajnuna u t-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu, is-saċerdoti ma jistgħux jeżerċitaw il-ministeru presbiterali.
Fl-Omelija tiegħu l-Isqof t'Għawdex qal li fl-epoka li qed ngħixu fiha, is-saċerdoti għandhom bżonn iħallu l-Ispirtu jistrieħ fuqhom kemm personalment u kemm bħala presibterju djoċesan.
Semma li l-qawwa tal-Ispirtu li kellu Ġesù – il-qawwa kreattiva li l-Ispirtu żejjen biha lill-Missirijiet tal-Knisja fl-ewwel żminijiet – hija don li Alla qed joffri lis-saċerdoti ta' llum.

Ritratt: Betty Bugeja