B’għażla ikbar tal-prodotti mill-Italja ta’ Fuq

Il-Farsons Beverage Imports Company (FBIC) Limited dan l-aħħar kisbet id-drittijiet esklussivi biex timporta u tqassam uħud mill-aktar inbejjed imfittxija tal-produtturi tar-reġjun ta’ Piedmont, l-Italja ta’ fuq – Elio Altare, Luciano Sandrone u Poderi Aldo Conterno.
Dawn il-produtturi se jingħaqdu ma’ ismijiet kbar oħra minn Piedmont fil-portfolju tal-FBIC – Fontanafredda, Borgogno u Casa E. di Mirafiore.
Elio Altare hu magħruf bħala wieħed mill-akbar produtturi tal-inbid fid-dinja u kien wieħed mill-produtturi ewlenin tar-rivoluzzjoni teknika tal-kantini u l-għelieqi tad-dwieli fiż-żona ta’ Barolo. Fost l-innovazzjonijiet tiegħu kien hemm l-użu ta’ fermentaturi li jduru, perjodu qasir ta’ maċerazzjoni, u l-użu ta’ btieti żgħar għat-tqaddim tal-inbid.
Luciano Sandrone hu wieħed mill-produtturi ikoniċi taż-żona ta’ Barolo u l-istorja straordinarja tiegħu hi magħrufa sew. L-inbejjed ta’ Sandrone huma suġġetti għal perjodu ta’ żmien medju ta’ maċerazzjoni, iqsar minn dak tradizzjonali, u fil-proċess tal-maturazzjoni juża btieti ġodda tal-ballut b’mod limitat. L-għażla sħiħa tal-inbejjed tiegħu, bi produzzjoni limitata, huma ġojjelli impekkabbli ta’ konċentrazzjoni u preċiżjoni bbilanċjata, biex b’hekk l-inbid ikompli jimmatura għal perjodu itwal ta’ żmien.
Poderi Aldo Conterno hu l-prodott ta’ grupp esklussiv ta’ produtturi storiċi f’Barolo li sawru l-istorja tal-produzzjoni tal-inbid fil-Langhe. Aldo ħoloq inbid Barolo tal-aqwa kwalità, ġibed id-dinja lejh, u warrab l-aqwa għeneb ta’ Bussia u bbottiljah taħt l-isem rispettiv tiegħu, Vigna Cicala, Vigna Romirasco u Vigna Colonello. L-inbid ikoniku Barolo Granbussia, li jsir minn għażla ta’ għeneb maħsud minn dawn it-tliet għelieqi tad-dwieli, isir wara numru ta’ snin u hu meqjus bħala oġġett għall-kollezzjonisti.
L-FBIC timporta u tqassam l-inbejjed Elio Altare, Luciano Sandrone u Poderi Aldo Conterno lokalment. Dawn huma disponibbli minn numru ta’ ristoranti, ħwienet tal-inbid u mill-Farsonsdirect fl-Imrieħel (www.farsonsdirect.com).
L-FBIC hi membru tal-Grupp Farsons.