Azzopardi u Bjorn ixellfuha fuq id-dar tan-nies bl-ALS

Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, Prof. Andrew Azzopardi, qal li billi jiftaħ dar għan-nies li jbatu mill-ALS bi 8 sulari, Bjorn Formosa se jkun qed imur kontra Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda li Malta ffirmat fl-2007. Min-naħa tiegħu, Bjorn qal li Azzopardi kien żbaljat u ma kienx qed jikkwota ċ-ċifri bl-eżatt.

Fil-blogg tiegħu fuq il-ġurnal The Malta Independent, Azzopardi spjega li d-dar ta’ 8 sulari, li Bjorn sejħilha “boutique hotel” għal 50 pazjent, tmur kontra l-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà li daħlet fis-seħħ fl-2012. Huwa kkwota Artiklu 19 mill-Konvenzjoni li jgħid, “L-Istati Msieħba għal din il-Konvenzjoni jagħżlu d-dritt ugwali li kull persuna b’diżabbiltà tgħix fil-komunità, b’għażliet ugwali daqs l-oħrajn, u għandhom jieħdu miżuri effettivi u xierqa biex jiffaċilitaw it-tgawdija sħiħa minn persuni b’diżabbiltà ta’ dan id-dritt u l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fil-komunità.”

Id-Dekan kompla jgħid li f’Malta hawn biżżejjed istituzzjonalizzazzjoni tan-nies b’diżabbiltà, u ġab eżempju bid-Dar tal-Providenza, l-akbar istituzzjoni f’Malta, li qed tagħmel li tista’ biex tbiddel l-operat tagħha fi djar komunitarji, fejn ma jkunx hemm ammont kbir ta’ nies f’daqqa. Għaldaqstant, filwaqt li apprezza l-kawża ġusta ta’ Bjorn, huwa sejjaħ dan l-aġir tiegħu “imprudenti, bla ħsieb u inġurjuż.” Sostna li Bjorn ma kienx involut f’dan is-settur qabel tfaċċat il-marda tiegħu, u għalhekk forsi mhuwiex konxju ta’ xi deċiżjonijiet.

Azzopardi żied li jekk Bjorn ma joqgħodx attent, ix-xogħol tiegħu jinbidel f’Babilonja ta’ nies li jiqfilhom l-iżvilupp intellettwali, fiżiku, soċjali u emozzjonali tagħhom, għax l-istituzzjonalizzazzjoni twassal għal hekk.

Għalhekk, tah il-parir li jħalli dan ix-xogħol għall-esperti u għal dawk li jaħdmu fil-politika soċjali. Qal li qabel ikompli bil-proġett tiegħu, imissu jikkonsulta mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, jitkellem ma’ nies b’diżabbiltà u oħrajn involuti fil-qasam, jirreferi għall-Konvenzjoni msemmija, għal-leġiżlazzjoni, jiddiskuti ma’ dawk li jagħmlu l-politika, u jfittex l-għajnuna tas-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà.

Sejjer żball, Sur Dekan! – Bjorn

Bjorn wieġeb lil Prof. Azzopardi b’kitba li xerred fuq il-grupp The Salott (RUBS) fuq Facebook, fejn qal li Azzopardi missu kellem lilu qabel ma kiteb l-artiklu, għaliex ħa żball fin-numru ta’ sodod li semma, 50 sodda.

Huwa qallu li mhix kwistjoni ta’ kemm ilek fil-qasam, imma kwistjoni ta’ kemm qed tagħmel xogħol. Żied jgħidlu li billi jikkritika Dar Bjorn, li ġabet bidla pożittiva fil-ħajjiet ta’ ħafna nies, huwa mhuwiex qed jgħin imma qed ixekkel it-titjib ta’ ħajjet dawk li qed ibatu.

Azzopardi għandu raġun – Kummissarju għall-Persuni b’Diżabbiltà

Minkejja dan, Oliver Scicluna, li hu l-Kummissarju għall-Persuni b’Diżabbiltà, qal li filwaqt li jammira ħafna x-xogħol li qed iwettaq Bjorn, huwa jaqbel mija fil-mija ma’ Prof. Andrew Azzopardi, għaliex dak li jidher bħala soluzzjoni, jispiċċa jirriżulta fin-negattiv.