Azzopardi qed jilgħab bil-bżallu – Muscat

Miguela Xuereb

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-uniku proġett multi-miljunarju  li kien involut fih kienet l-inkjesta Egrant li swiet lill-poplu Malti ‘l fuq minn €1 miljun. 

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament, Muscat stqarr “Jien l-unika persuna f’din il-kamra li dwari saret investigazzjoni fejn ħarsu fl-affarijiet tiegħi madwar id-dinja u ma sabu xejn.”

Muscat kien qed jirreaġixxi għall-mozzjoni mressqa mid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li kkontesta r-ruling li ngħata mill-Ispeaker Anġlu Farrugia dwar ksur tal-privileġġ fil-konfront tal-eks-Prim Ministru.

Muscat akkuża lil Azzopardi li qed jilgħab bil-bżallu meta għażel li ma jikkwotax parti mir-ruling fejn l-Ispeaker jikkundanna kliem l-istess Azzopardi, li qal li Muscat kien jaf b’xi pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia. 

Id-deputat Laburista qal li Azzopardi qed jipprova jimplikah fil-każ tal-wind farms ta’ Montenegro fejn  ma joħroġ minn imkien li hu kien involut fil-każ ta’ allegat ta’ korruzzjoni.