Azzopardi jsostni li ngħataw twissijiet fuq priġunieri xurbana

Waqt il-fall in fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, id-Direttur Ġenerali tal-Ħabs wissa lill-Gwardjani biex ma jagħtux informazzjoni jekk priġunier imur lura l-ħabs xurban.
Hekk sostna l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, Jason Azzopardi fil-midja soċjali, b’referenza għall-allegat każ fejn żewġ priġunieri, li kienu fuq prison leave daħlu lura l-ħabs fis-sakra.
Kien Jason Azzopardi li fuq Facebook sostna li żewġ priġunieri li qed jiskontaw sentenzi ta’ priġunerija rritornaw il-ħabs xurbana wara nofs ta’ nhar jixorbu fil-marċ ta’ San Ġejtanu, fil-festa tal-Ħamrun.
Jirriżulta li dawn il-priġunieri ingħataw il-leave biex jagħmlu xogħlijiet mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien.
B’reazzjoni għal din l-istqarrija ta’ Jason Azzopardi, il-Ministeru għall-Intern ċaħad dawn l-allegazzjonijiet dwar dawn iż-żewġ priġunieri.
Il-Ministeru qal li l-priġunieri kienu fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien u sarilhom ukoll it-test tal-breathalyser u ma jirriżultax li kienu fis-sakra.
Aktar tard fil-midja soċjali, Jason Azzopardi ddeskriva l-istqarrija tal-Ministeru għall-Intern bħala gidba u stqarr li kien hemm sitt Uffiċjali tal-Ħabs xhieda li ż-żewġ testijiet li saru fuq il-priġunieri rriżultaw 0.10 u 0.15 flok 0.
Reġa sostna li l-priġunieri rritornaw il-ħabs wara li xorbu l-alkoħol.