Azzopardi jitlob lil Hyzler jinvestiga l-akkużi kontrih

“Bil-fatti qed nuri li m’għandi ebda obbligazzjoni lejn Tumas Group”

Jason Azzopardi
Ritratt: Miguela Xuereb

Read in English.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal lil Newsbook.com.mt illi huwa tant hu ċert li ma kiser l-ebda liġi u l-ebda etika meta ħalla lil Tumas Group iħalsulu l-kont tal-lukanda meta fl-2017 żar Tel Aviv għal tieġ li se jikteb lill-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Dr George Hyzler, biex jinvestiga dan il-każ.

Azzopardi żied jgħid li jaf li l-liġi tagħti lil Hyzler poter li jinvestiga każi mill-2018 u għalhekk huwa se jeżonara lil Hyzler minn dan l-obbligu u jagħtih permess jinvestigah xorta waħda.

“Xtrajtu rigal biex żgur ma jkunx hemm obbligazzjoni”

Kienet il-gazzetta Illum, li tifforma parti mill-Media Today, li żvelat li Jason Azzopardi għamel żjara f’Tel Aviv f’Lulju 2017 u li l-kont tal-lukanda tħallas minn Tumas Group. Skont Azzopardi, is-sena ta’ din iż-żjara ma ssemmitx apposta fit-titlu. Dan għaliex kien qabel l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u sa dakinhar ma kienx għadu magħruf li Yorgen Fenech kien is-sid tal-kumpanija 17 Black.

Azzopardi ċċara ma’ Newsbook.com.mt li huwa kien kellem lil Ray Fenech, Chairman tat-Tumas Group u mhux lil Yorgen Fenech. Hu lil Fenech kien talbu biss jgħinu jsib lukanda f’Tel Aviv u mhux biex iħallaslu. Ma kienx jaf li Ray Fenech kien ta’ struzzjonijiet biex il-kont jitħallas mill-grupp. Jgħid ukoll li sar jaf b’dan l-arranġament meta mar iħallas biex jagħmel iċ-Check-Out. Kien dak il-ħin li r-receptionist qaltlu li l-kamra kienet imħallsa.

Mal-wasla tiegħu f’Malta Azzopardi qal li mar xtara rigal mingħand ħanut tal-fidda u ħallih fir-reception tal-uffiċċju ta’ Ray Fenech.

“Kulħadd jaf kif qed nimxu dwar Yorgen Fenech”

Jason Azzopardi qal li qed isir dan l-attakk fuqu biex jaljenaw lin-nies mill-għadd ta’ skandli dwar politiċi fil-Partit Laburista li qed jikxef hu.

Waqt il-programm Andrew Azzopardi on 103, id-Deputat Nazzjonalista kien qal li l-Koħħu semma li hemm Ministru Laburista li m’għandux jiddeċiedi dwar it-talba tiegħu għall-maħfra peress li huwa kien involut f’każ kriminali serju. Azzopardi la semma l-isem u l-anqas il-każ. Il-Koħħu kien anke qal li kien hemm eks politiku Labursita li kellu x’jaqsam mal-attentat ta’ serqa mill-HSBC.

Azzopardi semma wkoll li wara li kien magħruf li Yorgen Fenech kien is-sid ta’ 17 Black għaddew eluf ta’ messaġġi bejn Fenech u membru tal-Kabinett ta’ Abela u anke siefru flimkien

Huwa qal lil Newsbook.com.mt li fiż-żmien li ġej se joħorġu aktar stejjer relatati ma’ skandli.

Azzopardi temm jgħid li “tant kemm m’għandi ebda obbligazzjoni li naħseb huwa fatt pubbliku li fix-xogħol tiegħi ħadtha qatta bla ħabel kontra l-korruzzjoni u agħar ta’ Yorgen Fenech”.