Azzopardi jistaqsi jekk eks ġurnalista tal-ONE għandhiex tiddeċiedi l-futur tal-membri tal-Armata

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, fis-sessjoni ta’ dalgħodu tal-Parlament waqt il-ħin tal-Mistoqsijiet, staqsa kemm-il darba jekk hux sewwa li “ekx ġurnalista tas-Super One” ikollha l-istess responsabilità fit-teħid tad-deċiżjonijiet b’rabta mal-futur ta’ membri tal-Forzi Armati.
Azzopardi kien qed jagħmel Mistoqsijiet Supplimentari lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern Owen Bonnici li kien qed iwieġeb il-Mistoqsija Parlamentari oriġinali magħmula minn Azzopardi lill-Ministru tal-Intern Manuel Mallia. Il-mistoqsija kienet tittratta l-Bord għall-Promozzjoni fi ħdan l-Armata, maħtur f’Awwissu 2013, fejn talab “l-area of expertise fil-militar u fl-Armata ta’ kull wieħed mill-membri tat-tali bord”. Iktar tard, Azzopardi rrefera għall-ġurnalista Ramona Attard b’isimha, li illum tagħmel parti mis-Segretarjat Privat tal-Ministru Mallia.
Il-Ministru Bonnici sostna ripetutament li Attard tifforma parti minn dan il-bord mhux fil-kapaċità ta’ ġurnalista imma bħala uffiċċjal għoli fi ħdan il-Ministeru responsabbli. Spjega li għalkemm il-persuna m’għandhiex “expertise militari”, tokkupa kariga għolja fil-Ministeru responsabbli u allura taf il-Forzi Armati ta’ Malta kif jaħdmu fuq bażi ta' kuljum. Qal li mhijiex din il-persuna weħidha li tiddeċiedi imma l-bord għandu nies b’kompetenzi differenti. 

Ritratt: Forzi Armati ta' Malta