Azzopardi jakkuża lit-trolls ta’ Delia u l-Labour b’ħidma kontrih

Read in English.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi akkuża lit-trolls ta’ Adrian Delia u tal-Labour b’ħidma kkordinata kontrih għax qed jissieled għall-ġustizzja fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Huwa għamel din l-istqarrija fuq Facebook hekk kif mal-ġurnata beda jdur ritratt antik tiegħu ma’ Yorgen Fenech f’riċeviment. Fenech huwa l-akkużat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan ir-ritratt beda jiċċirkola fuq il-midja soċjali wara li Azzopardi f’kumment partikolari ħalef li qatt ma qatt ma rċieva rigali mingħand Yorgen Fenech u qal li qatt ma ltaqa’ ma’ Fenech. Aktar tard dan il-kumment tħassar iżda reġa’ ttella mill-attivist Laburista Emanuel Cuschieri.

Ritratt ta’ Yorgen Fenech ma’ Jason Azzopardi ttella’ fuq il-midja soċjali minn għadd ta’ uffiċjali tal-Partit Laburista kif ukoll uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista li huma favur Adrian Delia. Fosthom kien hemm il-kelliem tal-Partit Laburista Ronald Vassallo kif ukoll il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista f’Għajnsielem Stephen Mercieca.

Ma’ Newsbook.com.mt, Jason Azzopardi qal li r-ritratt huwa antik is-snin u min-nuċċali li kien liebes jidher li ttieħed qabel l-2008. Qal li l-azzjonijiet tiegħu jitkellmu waħidhom speċjalment fil-Parlament u fil-Qorti. Stqarr li hu ċertament qatt ma kkomunika, ltaqa’ jew mar jiekol ma’ Fenech wara li f’Novembru 2018 ġie żvelat li huwa sid il-kumpanija 17 Black, l-istess kumpanija li dwara kitbet Daphne Caruana Galizia.

Ilbieraħ, Jason Azzopardi daħħal kontro-protest fil-Qorti għall-protest ġudizzjarju ta’ Adrian Delia kontrih li fih Azzopardi stieden lil Delia jirriżenja minn Membru Parlamentari jekk fil-Qorti jirriżulta li jeżistu provi li kellem jew iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech fl-2019.