Azzopardi ħati ta’ ksur ta’ privileġġ fil-konfront ta’ Muscat

Aġġornat 09:37 PM

“Ma nistax nirtira dak li għedt peress li tennejtu kemm-il darba”

Read in English.

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia sab lid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ħati ta’ ksur ta’ privileġġ fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Id-deputat Laburista kien qajjem il-każ nhar l-Erbgħa li għadda wara nofsinhar meta ġibed l-attenzjoni u talab rulling mill-Ispeaker, għax fl-aġġornament tas-seduta ta’ filgħodu ta’ nhar l-Erbgħa stess Azzopardi allega li Muscat kien jaf bil-pjan li tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u r-raġuni li sejjaħ elezzjoni bikrija fl-2017 ma kinitx Egrant iżda l-iskandlu tal-wind farms fil-Montenegro.

Muscat kien talab għall-protezzjoni tas-sedja wara li stqarr li din kienet kalunja fil-konfront tiegħu u ma jirriżulta minn imkien u toħroġ mill-ebda fantasija.

L-Ispeaker talab lil Azzopardi li mid-diskors tiegħu jirtira l-frażi fejn qal li “Muscat kien sar jaf bi pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia u allura ried jeħles mill-elezzjoni ġenerali”.

Azzopardi qal li ma setax jirtira dak li qal peress li stqarru kemm-il darba barra mill-Parlament u stieden lill-Gvern biex jieħu l-każ quddiem il-Kumitat tal-Privileġġi. Farrugia sab lil Azzopardi ħati ta’ ksur ta’ privileġġ prima facie u qal li se jirreferi l-każ quddiem il-kumitat tal-privileġġi.

Intant, Muscat irreaġixxa għar-ruling tal-ispeaker permezz ta’ stqarrija fuq il-mezzi soċjali. Huwa qal li minkejja kritika li kellu, dejjem sostna li għandu jħalli l-libertà tal-espressjoni tirrenja mhux imxekkla, anki meta dak li jintqal kontrih kien ikun goff, esaġerat jew ivvintat.

Illum kien ikkonfermat fil-Parlament li l-Onorevoli Jason Azzopardi abbuża l-privileġġi tiegħu meta gideb fil-konfront…

Posted by Joseph Muscat on Tuesday, June 30, 2020

“Iżda din il-gidba kienet iżżejjed u l-agħar abbuż mill-Privileġġ Parlamentari li qatt rajt kemm ilni nsegwi l-Kamra tar-Rappreżentanti, l-ewwel bħala ġurnalista u wara bħala Membru,” stqarr Muscat.

Muscat qal li l-programm elettorali tal-Partit Laburista jinkludi riforma tal-Privileġġ u tneħħija tal-immunità. 

Gejt mistoqsi ghala ma rtirajtx il-kliem li ghidt fl-Aggornament l-Erbgha filghodu fil-konfront ta' Joseph Muscat.Hemm…

Posted by Jason Azzopardi on Tuesday, June 30, 2020

Bedingfield jinforma lill-Ispeaker dwar Konrad Mizzi

Farrugia informa lill-kamra tar-rappreżentanti li l-whip Laburista Glenn Bedingfield kien informa lill-Ispeaker li l-eks Ministru Konrad Mizzi ma kienx se jibqa’ jifforma parti mill-grupp parlamentari Laburista. Fl-istess ħin, Farrugia qal li fis-27 ta’ Ġunju kien irċieva ittra mingħand Mizzi li stqarr li se jibqa’ leali lejn il-Partit Laburista fix-xogħol parlamentari u l-isforzi tal-Gvern Laburista.

Kundanna oħra għal Jason Azzopardi – PL

Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li għal darb’oħra, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi reġa’ nstab ħati li abbuża mill-privileġġ parlamentari fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż meta għamel allegazzjonijiet qarrieqa u mill-aktar gravi.

“Waqt li Azzopardi bħal kull ċittadin ieħor f’dan il-pajjiż għandu kull d-dritt li jesprimi lilu nnifsu, huwa tabilħaqq kundannabbli għall-aħħar li jagħmel użu mill-privileġġ parlamentari biex iħammeġ kif jidhirlu u meta jfettilu lil dawk li ma jaqblux miegħu,” qal il-PL.

“Fuq kollox dan l-aġir ta’ Azzopardi juri li minkejja s-suppost tiġdid li sar fl-Oppożizzjoni Nazzjonalista u minkejja l-mod ġdid li darba wiegħed il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, fil-Partit Nazzjonalista kollox baqa’ l-istess,” temm jgħid il-PL.