Azzopardi ferħan se jtir li Malta qed tissawwat mill-barranin – Bonnici

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi jidher ferħan se jtir li Malta qed tissawwat mill-barranin. Qal li ferħan daqslikieku rebaħ il-lotterija.

F’għeluq id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda diversi liġijiet għal Amministrazzjoni aħjar tal-Ġustizzja, Owen Bonnici qal li kien hemm barranin li qabżu għal Malta waqt li Azzopardi li hu Malti  qed jaħdem kontra Malta u vvota li l-Assemblea Ewropea taddotta proċedura iebsa ta’ monitoraġġ fil-konfront ta’ Malta. Stqarr li din il-proċedura ntużat biss darba kontra t-Turkija iżda l-membri l-oħra vvutaw kontra.

Hu wissa lil Azzopardi biex ma jinqediex bil-ġustizzja u ma jipperikolax ir-rispett lejn il-liġi (is-saltna tad-dritt) biex jaqdi l-ambizzjoni politika li jsir kap tal-Oppożizzjoni ġaladarba kisirha mal-kap tiegħu.

Huwa qal li Azzopardi huwa avukat privileġġat fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia peress li hu l-avukat tal-familja ta’ Caruana Galizia u faħħar il-prosekuzzjoni tal-każ.

Joseph Muscat qed jaqsam 17 Black ma’ Keith Schembri – Azzopardi

Huwa qal li Azzopardi ħadha bi kbira għax hu u l-Prim Ministru wrew xettiċiżmu fuq Omtzigt, li fi kliem Bonnici, “għamel balbuljata magna” fil-każ tal-tiġrif ta’ ajruplan fl-Ukrajna u li kellu jitlob apoloġija  wara li ġab xhieda fażulla fuq il-każ. Huwa qal li madanakollu hu għandu rispett lejn l-kunsill tal-Ewropa u li l-Prim Ministru diġà qal li se jfittex it-triq ‘il quddiem mal-Ewropa dwar inkjesta pubblika.