Azzopardi bi dritt li jaqra dikjarazzjoni quddiem il-PAC – l-Ispeaker

L-Ispeaker Anġlu Farrugia ħares id-dritt tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li jaqra dikjarazzjoni li kien għamel quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) dwar il-każ tal-art tal-Fekruna fix-Xemxija, meta kien tressaq bħala xhud tal-istess kumitat.

F’ruling l-Ispeaker irrefera għal-laqgħa tal-Kumitat ta’ nhar l-Erbgħa li għadda u li fiha l-membri tal-PAC min-naħa tal-Gvern oġġezzjonaw għall-fatt li Azzopardi ddeċieda li jaqra din id-dikjarazzjoni fil-bidu tas-seduta.

Min-naħa tiegħu ċ-Chairman tal-PAC Beppe Fenech Adami qal li kienet proċedura normali tal-kumitat li x-xhieda jingħataw l-opportunità li jaqraw dikjarazzjoni ġuramentata u talab ruling mingħand l-Ispeaker.

Min-naħa tagħhom, il-membri tal-Gvern qalu li dwar il-proċeduri tal-kumitat għandu jkun l-istess kumitat li jiddeċiedi dwarhom. Saħqu li għalhekk għandu jkun il-PAC li jiddeċiedi jekk Azzopardi setax jaqra id-dikjarazzjoni miktuba.

Fir-ruling tiegħu, Farrugia mhux biss ta permess lil Azzopardi iżda qal li qatt ma kien hemm xi problema biex ix-xhieda jaqraw ix-xhieda tagħhom. Ikkwota mis-seduta tal-2011 fejn l-Eks Prim Ministru Lawrence Gonzi ngħata permess jaqra x-xhieda tiegħu quddiem l-istess PAC.

Farrugia qal li ladarba l-Parlament daħħal il-fakultà li xhud jaqra x-xhieda tiegħu, din għandna tintuża kullimkien.

Huwa qal li minkejja li l-Istanding Order ma titkellem xejn dwar il-proċeduri tax-xhieda, il-PAC għandu juża l-istess proċedura addottata fil-Parlament, bid-dikjarazzjoni ta’ Azzopardi ma tkunx taqbeż l-10 minuti.