Azzjonijiet dixxiplinari mill-isptarijiet jekk konsulenti ma jiffirmawx il-karti tal-mediċini

L-amministrazzjoni tal-isptarijiet se jibdew jieħdu r-responsabiltà huma f’każ li konsulent ma jiffirmax il-karti meħtieġa biex pazjenti jieħdu l-mediċini fl-isptar.
Il-unjin tal-infermiera u l-qwiebel, l-MUMN, irringrazzjat lill-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi għall-ftehim milħuq għalkemm irrimarkat li dan ifisser li f’Malta biss min imexxi l-isptarijiet se jispiċċa jiġri wara l-konsulenti minflok ma’ l-ispiżjara jwasslu l-mediċina meħtieġa fis-swali.
L-MUMN qalet li bl-aħħar ftehim, il-maniġment tal-isptar fejn konsulenti ma jimlewx il-karti meħtieġa se jieħdu azzjonijiet dixxiplinari biex b’hekk pazjenti ma jitilfux it-trattament li jkollhom bżonn. 
Saħqet li mhix se tiġi intimidata mill-protest ġudizzjarju miftuħ mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija.
Kompliet tinsisti li għandhom ikunu l-konsulenti li jimlew il-karti meħtieġa biex pazjenti jingħataw il-mediċini li jkollhom bżonn, u li m’għandhomx ikunu l-infermiera u l-qwiebel li joqgħodu jiġru warajhom.