Azzjonijiet bikrin kienu jiffrankaw din il-kriżi tal-għalliema – UPE

Read in English.

L-Union għall-Għalliema Professjonali (UPE – Voice of the Workers) qalet li meta wieħed iħares lejn il-manifest elettorali ppreżentat mill-Malta Labour Party fl-2013 u mbagħad mill-ġdid fl-2017, jidher evidenti li l-partit kellu għanijiet ċari u attraenti li jagħmlu l-ħajja professjonali tal-għalliema aktar faċli.

L-Union spjegat kif kieku l-proposti ppreżentati ġew adottati f’waqtu, iġifieri lura fl-2013 u fl-2017, ma kinitx tinqala’ l-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema. Dan wassal biex qed ikun ikkunsidrat li għandhom jiġu impjegati għalliema barranin. Stqarrew li l-kriżi attwali fis-sistema edukattiva setgħet ġiet evitata.

Il-UPE qalet li hi mħassba u qed issaqsi jekk hemmx xi pjan dwar kif iż-żieda ta’ ħaddiema barranin se taffettwa l-infrastruttura Maltija, speċjalment fis-settur edukattiv. Spjegat kif wieħed jista’ jinsa li l-għalliema mhux biss iwasslu għarfien akkademiku. Qalet li l-għalliema huma pjuttost il-figura tal-omm u tal-missier li jifhmu d-dinamika soċjali u kulturali tal-klassi.

Xi xhur ilu, l-Uffiċjali tal-UPE kienu staqsew lill-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo dwar kellux intenzjoni li jimporta għalliema barranin biex jikkumpensa għan-nuqqas ta’ għalliema Maltin. Bartolo kien tagħhom l-impressjoni li xenarju bħal dan kien se jkun inevitabbli, anka wara li l-Uffiċjali tal-UPE kienu ppreżetawlu diversi proposti biex jattiraw aktar studenti interessati fil-professjoni.

Fost dak propost kien hemm pagi aħjar u irtirar bikri.