Azzjoni simbolika fil-Belt tfakkar il-vittmi ta’ Gaza

F’Bieb il-Belt dalgħodu saret protesta paċifika b’solidarjetà mal-poplu Palestinjan bit-tama li jieqaf darba għal dejjem dak li qed ikun deskritt bħala ġenoċidju fl-attakki li qed iseħħu fuq Gaza.
Il-Palestine Solidarity Network sejjaħ din l-azzjoni simbolika bħala mezz sabiex il-poplu Malti juri s-solidarjetà tiegħu mal-Palestina fid-dawl tal-qtil ta’ iktar minn 1,500 ruħ waqt l-attakki fuq Gaza minn naħa ta’ Iżrael. B’kartelluni li jgħidu li f’Gaza imut tifel Palestinjan kull siegħa, dawk li ħadu sehem fil-protesta inxteħtu fl-art bħallikieku mejta fl-isfond tal-ħsejjes tal-bombi minn ‘loudspeakers’ li twaħħlu apposta.
F’attività oħra il-Palestine Solidarity Network illejla se tkun qed torganizza mixgħela ta’ xemgħat quddiem l-Ambaxxata Amerikana f’Ta’ Qali bit-tama li l-Istati Uniti tieqaf tappoġġja politikament u ekonomikament lill-Iżrael. Huwa rrapurtat li l-Istati Uniti tagħti madwar 3 biljun dollaru fis-sena lill-Iżrael f’għajnuna militari.