Wied Qirda: L-ERA tgħid li qed tgħasses ix-xogħlijiet

Aġġornat 03:34 PM

Tliet għaqdiet mhux governattivi, kunsillier u kandidat indipendenti ngħaqdu sabiex iressqu azzjoni legali sabiex jitolbu lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tirrispetta l-liġi u ssewwi l-ħsara ambjentali li saret f’Wied Qirda f’Ħaż-Żebbuġ billi tistabbilixxi min hu responsabbli biex jawtorizza l-azzjonijiet “barbariċi” fil-wied. Intant, fi stqarrija b’reazzjoni li ħarġet l-ERA, qalet li hija qiegħda toqgħod għassa għax-xogħlijiet u qed tikkollabora ma’ Infrastructure Malta.

Fi stqarrija konġunta, Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta, Futur Ambjent Wieħed, il-kunsillier Żebbuġi Steve Zammit Lupi u l-kandidat Arnold Cassola qalu li, “Inkunu verament qed inkomplu nitfgħu l-melħ fuq il-ferita jekk Infrastructure Malta tiġi mġiegħla tħallas biex issewwi l-ħsara ambjentali li saret, meta nqisu li Infrastructure Malta hija mħallsa mit-taxxi tal-poplu stess.”

Saru għadd ta’ xogħlijiet f’Wied Qirda, li huwa wied protett, wara li l-ERA kienet ħarġet ordni biex jitwaqqfu x-xogħlijiet. L-appellanti nnutaw li l-mogħdija rurali ġiet mgħottija kompletament bl-asfalt u mwessgħa ħafna iktar minn qabel, it-topografija ta’ qiegħ il-wied ġiet immodifikata, qed tinbena struttura pjuttost kbira fuq qiegħ il-wied u l-karatteristiċi fiżiċi stess tal-wied inbidlu. “Dan sar mingħajr ma ngħatat l-awtorizzazzjoni mill-ERA, f’żona ekoloġikament sensittiva, u mingħajr ebda forma ta’ dikjarazzjoni tal-metodu approvata. Li aġenżija tal-Gvern tibqa’ għaddejja bħal gaffa minn fuq żona speċjali ta’ konservazzjoni mingħajr ebda rigward għal-liġi hija xi ħaġa inaċċettabbli u barbarika,” sostnew.

Huma wrew għadab għall-fatt li, “Il-poplu jkun l-ewwel iffinanzja x-xogħlijiet illegali mit-taxxi tiegħu, u mbagħad ikollu jħallas ukoll għar-riparazzjoni tal-ħsara li saret.” Skonthom, “Wasal iż-żmien li dawk responsabbli jġorru r-responsabbiltà personali għall-qerda sfaċċata li saret f’Wied Qirda, u li nistabbilixxu kriterji standard biex nirregolaw tali mġiba skorretta fil-futur. Iċ-ċittadini li jimxu mal-liġi m’għandhomx għalfejn jiġu mġiegħla jħallsu għall-ħerba li ħallew warajhom Frederick Azzopardi u Infrastructure Malta.”

Ftit tal-jiem ilu, il-kandidat indipendenti Arnold Cassola appella lill-Pulizija biex tinvestiga lill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Frederick Azzopardi għall-ksur ta’ liġijiet ambjentali.

L-ERA u Infrastructure Malta jgħidu li qed jikkollaboraw

B’reazzjoni għal din l-azzjoni legali, l-ERA u Infrastructure Malta ħarġu stqarrija konġunta li fiha qalu li l-ERA qiegħda kontinwament issegwi mill-qrib ix-xogħlijiet ta’ tiswijiet li qed tagħmel Infrastructure Malta, u l-Infrastructure Malta kkonfermat li qed tikkollabora mal-Awtorità f’kull stadju tal-infrastruttura.

Stqarret li ladarba jitlestew it-tiswijiet tat-triq, se tikkontribwixxi fir-riġenerazzjoni ta’ dan il-wied billi jsiru l-interventi kollha mitluba mill-istess Awtorità.  

L-aġenzija kkjarifikat li x-xogħlijiet minnha f’din il-parti tat-triq fl-aħħar ftit xhur kienu meħtieġa minħabba li kien hemm bżonn jinbidel il-wiċċ li diġà kien bl-asfalt fil-wisgħa tat-triq, u biex isiru tiswijiet strutturali ta’ medda żgħira mill-istess triq wara li ċediet waqt diversi maltempati. Dawn it-tiswijiet jinkludu t-tħaffir tal-pedamenti eżistenti, il-bini ta’ ħitan ġodda fuq sisien aktar sodi u t-tibdil ta’ trejqa li kien hemm taqsam il-wied biex jiġu evitati aktar ħsarat mill-maltemp fil-futur. Din it-trejqa kienet qed tostakola n-nixxiegħa naturali tal-ilma f’din il-parti tal-wied. L-Awtorità u l-aġenzija qalu li t-tneħħija ta’ din it-trejqa jista’ jkun mezz biex tittejjeb is-sistema naturali tal-wied u tgħin għar-riġenerazzjoni ta’ din il-parti tal-wied għall-istat naturali tiegħu, waqt li jonqsu l-ħsarat ikkaġunati mill-ilma fuq it-triq rurali matul il-wied.  

L-ERA qalet li l-Ordni ta’ Waqfien u Infurzar li ħarġet f’Novembru li għadda ma kinitx maħsuba biex twaqqaf ix-xogħlijiet permessi mil-liġi sabiex titranġa t-triq ħalli terġa’ tkun sigura għall-pubbliku, iżda sabiex titlob li tkun infurmata fuq il-metodoloġija tax-xogħlijiet, u sabiex tiżgura li jkun hemm l-inqas impatt fuq l-ambjent tal-inħawi. L-Awtorità spjegat li ħarġet din l-Ordni biex taċċerta ruħha li kwalunkwe xogħol ieħor f’dawn l-inħawi, jekk ikun meħtieġ, jitwettaq eżatt skont il-pjanijiet tal-metodi tax-xogħol approvati, u li l-kuntratturi involuti jifhmu u japprezzaw l-importanza ekoloġika ta’ din iż-żona filwaqt li jnaqqsu kull impatt negattiv permezz ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa.

Żiedet tgħid li meta ħarġet l-Ordni ta’ Infurzar, infurmat lill-aġenzija li f’sezzjoni oħra tal-istess triq, medda t’art mittiefsa ta’ madwar 70 metru kwadru lil hinn mill-wisgħa tat-triq oriġinali kienet ġiet asfaltata. Qalu li l-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta ħadu azzjoni mill-ewwel, u l-asfalt f’din il-biċċa art tneħħa ftit jiem wara. 

L-istqarrija tkompli tgħid li f’sezzjoni oħra ta’ din it-triq, jeħtieġ isiru aktar xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid tas-sisien tat-triq u l-ħitan tas-sejjieħ tagħha, wara li ġġarrfu meta trakk inqaleb fil-ġenb tat-triq waqt li kien qed isir ix-xogħol ta’ tibdil t’asfalt is-sena li għaddiet.

L-Awtorità għandha tikkunsidra dawn ix-xogħlijiet flimkien mal-kumplament, biex tevalwa l-intervent sħiħ bi pjani dettaljati tal-metodi li se jintużaw u pjanti relatati, ħalli tkun tista’ tipproponi xi miżuri addizzjonali ta’ protezzjoni oħra li jistgħu jittieħdu. Ix-xogħol ta’ tiswijiet f’din is-sezzjoni tat-triq ser jibda fil-ġimgħat li ġejjin, malli l-pjani tal-metodi jkunu konfermati u approvati.  

L-ERA wegħdet li meta x-xogħol kollu jkun lest, se tkompli ssegwi dawn l-inħawi, sabiex tiżgura li Infrastructure Malta tkun reġġgħet il-wied lura għall-istat naturali tiegħu. Temmet tgħid li kull xogħol ieħor ta’ restawr li jista’ jkun meħtieġ, se jsir minn Infrastructure Malta wkoll.