Azzjoni industrijali: Transport Malta titlob skuża

Transport Malta talbet skuża lill-klijenti tagħha li llum esperjenzaw dewmien fis-servizzi minħabba l-azzjonijiet industrijali ordnati mill-UĦM Voice of the Workers.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-UĦM talbet lill-membri tagħha biex ma jużawx mezzi ta’ kommunikazzjoni wara li fi kliemha baqa’ ma ntlaħaqx qbil mal-Gvern fuq tliet ftehim kollettivi li kienu skadew fl-2015.
Iżda fi stqarrija, Transport Malta qalet li ilha xhur tiddiskuti mal-UĦM u fakkret li l-ftehim kollettiv prinċipali, li jkopri madwar 60% tal-ħaddiema, huwa prattikament maqbul.
Transport Malta qalet li tinsab kommessa li tibqa’ tinvesti fil-ħaddiema tagħha, ittejjeb il-pakkett finanzjarju u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, biex toffri servizz aħjar għall-Pubbliku Malti.
Appellat lid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali biex jilħaq il-konklużjonijiet tiegħu mingħajr dewmien u biex il-Pubbliku jevita li juża s-servizzi tagħha għalissa.