Il-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel ippreparat lill-membri tagħha għal azzjoni industrijali min-nhar it-Tnejn li ġej jekk mhux se jintlaħaq qbil fuq il-Ftehim Settorjali.
Jekk jidħlu fis-seħħ, dawn se jkunu qed jaffettwaw mhux biss is-servizz mogħti lill-pazjenti f’Mater Dei, fiċ-Ċentri tas-Saħħa u fi sptarijiet oħra, iżda anke lill-anzjani fid-djar tal-gvern.
F’ittra mibgħuta lill-membri tagħha, l-MUMN qalet li qed tagħmel l-almu kollha tagħha fin-negozjati dwar il-proposti tal-Ftehim Settorjali iżda saħqet li “ma hemm l-ebda rieda tajba min-naħa tal-Gvern.”
“Il-paċenzja tagħna għandha limitu,” saħqet il-Unjin. “L-infermiera u l-qwiebel ħaqqhom rispett.”
Għalhekk l-MUMN tat lill-Gvern sa nhar il-Ħadd biex jibgħat:
- Il-proposti tiegħu għall-Ftehim Settorjali b’risposta għal dawk il-miżuri mitluba mill-MUMN tmien xhur ilu;
- Dati għal-laqgħat biex dan il-ftehim ikun iffirmat sal-aħħar tas-sena;
- Garanzija li sal-aħħar ta’ Novembru jitpoġġa Avviż Legali fuq il-Mejda tal-Kamra biex jidħol fis-seħħ il-Qafas Speċjalista għall-Infermiera u l-Qwiebel.
Jekk l-MUMN tibqa’ bla tweġiba jidħlu fis-seħħ direttivi industrijali għall-infermiera kollha, mhux biss dawk ta’ Mater Dei.
Fost affarjiet oħra, l-infermiera ta’ Mater Dei qed jintalbu:
- Ma jgħinux fil-ħasil tal-pazjenti
- Ma jgħinux fit-tqassim tal-ikel
- Ma jagħmlu l-ebda xogħol klerikali
- Ma jwasslux pazjenti minn ward għal ieħor ħlief xi wħud
- Ma jipparteċipawx fit-trasferiment ta’ pazjenti fis-swali tal-operazzjonijiet; sakemm l-operazzjoni ma tkunx urġenti.
- Ma jordnawx mediċina
- Ma jakkumpanjawx pazjenti għal sptarijiet oħra, djar tal-anzjani jew kliniċi oħra.
Uħud minn dawn id-direttivi japplikaw għal infermiera oħra, anke dawk li jaħdmu fi djar tal-anzjani.
Ara l-lista sħiħa tad-direttiva hawn taħt: