Azzjoni industrijali mill-ispiżjara tal-Gvern; pazjenti mhux jinqdew

Bħalissa l-ispiżjara li jaħdmu mal-Gvern, qed isegwu madwar 23 azzjoni industrijali li qed jaffettwaw lill-pazjenti.
Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt mill-Kamra tal-Ispiżjara li spjegat kif l-azzjonijiet industrijali daħlu fis-seħħ fuq talba tal-UĦM-Voice of the Workers li qed tirrappreżenta lil dawn il-professjonisti.
Il-Kamra tal-Ispiżjara kkonfermat ukoll li l-azzjonijiet industrijali daħlu fis-seħħ minħabba nuqqas ta’ progress fid-diskussjonijiet dwar il-ftehim settorjali ġdid u “kwistjonijiet oħra”.
Fost affarijiet oħra, l-ispiżeriji tal-Gvern qed jiftħu siegħa tard u jagħlqu siegħa kmieni. L-ispiżjara mhux iwieġbu t-telefonati u talbiet dwar il-karta s-safra mhux qed jiġu pproċessati.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ għadd ta’ spiżjara li jaħdmu fil-komunità li spjegaw kif il-klijenti u l-pazjenti qed jintlaqtu minn dawn l-azzjonijiet industrijali, l-aktar dawk li jagħmlu użu mill-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC).
Newsbook.com.mt ċempel ukoll lid-Dipartiment tal-POYC, li jinsab fl-Isptar San Luqa u wara li t-telefonata bdiet tgħaddi minn persuna għall-oħra, intalab iċempel lill-Kelliema tal-Ministeru għas-Saħħa.
Minkejja li għamel hekk, Newsbook.com.mt intalab jibgħat il-mistoqsijiet bil-miktub, iżda wara jumejn, sal-ħin tal-pubblikazzjoni, għadu bla risposta.
L-ispiżjara fil-komunità li tkellmu ma’ dan is-sit qalu kif diversi pazjenti, anke dawk li ma jkunux marru fl-ispiżeriji tal-Gvern, qed jispiċċaw mhux jinqdew.
Spjegaw kif meta jkollhom bżonn jagħmlu xi ordni urġenti, jew iċemplu għax pazjenti jkollhom problema bil-karta s-safra, qed jibqgħu bla tweġiba u minħabba f’hekk il-pazjenti qed jibqgħu b’xejn.
Minħabba f’hekk, il-Kamra tal-Ispiżjara qed tipproponi li ż-żewġ partijiet jersqu lejn il-mejda tan-negozjati biex jintlaħaq qbil malajr kemm jista’ jkun.